Saturday, May 4, 2019

PIJU S-SURĠENT U L-MARA L-KAĦLA

Fl-2010, il-Komiks tas-Sikkina ppubblikaw ġabra ta' stejjer qosra mpenġijin minn erba' kontributuri differenti u miġburin fi strixxiklu bl-isem ta' Artists and Story Tellers. F'din il-ġabra kien deher għall-ewwel darba Piju s-Surġent. Dawn l-ewwel kwadretti tal-istorja ta' Piju, miktuba u mfassla minn Bin Għisa u mpenġija minn Dell (Robert Zammit), juru lil dan il-karattru rozz u ta' ftit kliem u li xejn ma' jżommu minn dak li għandu jagħmel. Dan Piju s-Surġent mill-ewwel laqat korda ma' xi segwaċi li jfittxu l-Komiks tas-Sikkina. Għalhekk minħabba dan l-interess speċjali f'Piju s-Surġent, sena wara reġa' deher fuq strixxiklu għalih waħdu ta' 44 paġna bl-isem ta' TAJJEB GĦAX TAJJEB... TAJJEB GĦAX SURĠENT.

Nistgħu ngħidu li dan l-istrixxiklu nieżel tajjeb ħafna ma' dawk li xtaqu jaraw iżjed minn dan il-karattru xi ftit stramb, aħrax u kultant gemgiemi li bħal donnu jidħol għal kull biċċa xogħol b'nofs qalb imma jtemma bl-unuri.

L-istejjer ta' Piju s-Surġent qegħdin ikomplu jiżvelaw iktar dwar id-dinja ta' kwien is-seħer kif fassluha l-awturi tal-Komiks tas-Sikkina, spirati mill-karattri tal-fantasija endemika tal-Maltin u l-Għawdxin.

Per eżempju, Piju fl-ewwel storja jħabbat wiċċu mal-Kitbiebes. Dawn huma dawk l-istatwi tal-ħaġar jew bronż, li b'superstizzjoni jkunu twaħħlu fuq xi bini, bibien, monumenti u funtani sabiex iħarsu l-istess bini minn xi għajn ħażina jew minn spirti mhux mixtieqa. Il-Kitbiebes  jistgħu jieħdu l-ħajja billi jidħol fihom xi għul  jew xi xitan u jinqalgħu minn fejn ikunu u jagħmlu li jfettlilhom. Piju jżomm man-naħa tal-għewiel u għalhekk meta jkunu x-xjaten li jidħlu fil-kitbiebes, xejn ma jieħu pjaċir u kif għamel fl-ewwel storja, faqagħhom u ġabhom tħin.

Fit-tieni storja tiegħu Piju jitqabbad mill-Ħares biex jiltaqa' ma' tas-Setta u li dawn imbagħad iwassluh għand l-għefieret. Meta jiġi wiċċ imb wiċċ mal-kap tagħhom, bil-poteri speċjali li kien tah il-Qamar, Piju jkun jaf x'għandu jagħmel u tabilħaqq li kien jaf, għax meta ra li kienu mniegħel u għefieret, ċappċpilhom daqqtejn kif tmiss il-liġi u ma beżax minnhom avolja ġew fuqu bil-gdus.
Piju spiss isemmi l-għefieret u l-mniegħel u dawn jidhru li huma kwien li jdejjquh wisq u li m'għandux sabar magħhom. Tas-Setta Piju ma kellux xi jgħid wisq fuqhom u jidher li jittollerahom aktar mill-mniegħel u l-għefieret, minkejja li dawn Tas-Setta huma nies li inkitbu magħhom.

Issa wara daż-żmien kollu, sa fl-aħħar wasal strixxiklu ieħor ta' Piju s-Surġent u li fih narawh jivvjaġġa fejn ħadd ma jista' jmur u jibqa' ħaj, jiġifieri fis-Saltna ta' Ċensa l-Mewt. Biex tmur quddiem Ċensa trid tkun mejjet u tabilħaqq Piju għoddu baqa' stendut minħabba din il-biċċa xogħol inkrepattiva li kellu.

Imma ħalli ma ngħidilkomx wisq fuq x'ġara u ma ġarax lil Piju biex ma ntellfilkomx il-gost tal-istorja u nħallikom tiskopru intom kif baqa' l-eroj tagħna s-Surġent. Tistgħu taqraw l-istrixxiklu ta' Piju s-Surġent u l-Mara l-Kaħla hawnhekk

Nittamaw li strixxikli ġodda ta' Piju s-Surġent naraw iktar spiss u li ma ndumux nistennew daqs kemm domna din id-darba.



Wednesday, April 17, 2019

Kranium - dinja li tikkrolla bi tbissima

Bħal-lum għaxar snin ukoll ħareġ l-ewwel strixxiklu tal-Kranium taħt is-sensiela tal-Għid tal-Erwieħ ippubblikat mill-Komiks ta’ Sikkina. Araw it-tielet l-istrixxiklu kollu fuq il-paġna ta' Facebook. Miktub mill-Barba Kieli u mpenġi mill-Ħaddied l-1el u t-2ni u minn Dell (Robert Zammit) it-3et, ir-rakkonti tal-Kranium jesponi l-grajjiet ta’ tliet ġuvintur li jiffurmaw grupp tar-Rock propju b’dan l-isem. Min huma sewwasew l-Kranium? U x’hemm fl-istejjer tagħhom?

Il-Kranium hu kompost mill-Ħanż li jdoqq il-bass u jkanta, il-Kraws il-kitarrista u l-Ħassu d-drummer. Huma ma jaħdmux u lanqas ma’ għandhom benefiċċju tal-qgħad għax inqatagħlhom għax ma jirrispondux għas-sejhiet tal-uffiċċju tal-Impjiegi. It-tlieta li huma mgħandomx saqaf fuq rashom għajr tal-vann li akkwistaw, u jqattgħu jiemhom jiġru barra b’ta' fuqhom senduqhom. Nistgħu nobsru li l-Ħanż u l-Kraws ġejjin minn familji mkissrin u żmienhom għamluh jiġġerrew barra, jġaħġħuha minn hawn u minn hemm. Il-Ħassu madankollu seta' kellu trobbija differenti. Jidher li trabba ma’ djul ommu u mbagħad taħt il-mant ta’ saħħar li għenu jakkwista l-għarfien dwar is-sħurija.

Il-Ħanż u l-Kraws kienu ilhom ħbieb mill-iskola u mal-Ħassu ltaqgħu għand Lippu li kellu ħanut tal-inbid il-Belt. Kienu jiltaqgħu f’dar abbandunata fil-Belt biex idoqqu flimkien.  L-esiġenza biex ikollhom xi ħaġa x’jieklu ġieli ġegħilithom biex jagħmlu xi faċenda lil xi sid ta’ ħanut jew ieħor biex ikollhom lira fil-but.

Il-membri tal-grupp rock Kranium jippruvaw jimmanuvraw ix-xenqiet u l-ħtiġiet mundani tagħhom f’dinja moderna iżda dekadenti fejn kollox jidher baxx, patetiku, korrot u oskur. F’din id-dinja nsibu d-dragiet u x-xjaten jiddominaw u jimmanipulaw il-ħajja ta’ dan il-grupp ta’ tliet ġuvintur u ta’ dak kollu li jiġri madwarhom. Qajla naraw fid-dinja tal-Kranium, xi eroj li jsalva is-sitwazzjoni biex tinqaleb il-folja għall-aħjar. Madankollu nsibu wkoll mumenti fejn l-att erojku tal-Ħares, per eżempju, ikun sewwa l-affari temporanjament iżda bl-eventwalità li għada pitgħada s-sitwazzjoni terġa’ għal li kienet qabel. Il-Ħassu tipikament huwa anti eroj fejn il-ħajja tiegħu mill-ħażin dejjem sejra għall-agħar. Sħabu xi ftit insensittivi għal li qed jgħaddi minnu l-Ħassu u dan għaliex is-sitwazzjoni għalih u għall-istess sħabu dejjem hija ta’ sopravivenza f’ġungla selvaġġa ta’ akkwist ta’ xi materja jew oħra, monopolju, territorju u poter.

Il-membri tal-Kranium minn banda jistgħu jidhru bħala nies ammirabbli li qed jgħixu ħajjithom kif iridu bi stil faqgħa u kajman, irreverenti lejn is-sagru u l-awtorità u jagixxu bħal li kieku ħadd ma jikkontrollahom. Iżda min-naħa l-oħra f’għajnejn is-soċjetà moderna ta’ żmienna, jidhru bħala rmixk, telliefa, nies bla ras u mingħajr kont ta’ ħajjithom. Mhumiex stupti jew balali imma ma jħarsux wisq fit-tul. Moħħhom jużawh biex jiksbu dak li jridu fl-immedjat. Il-ħażen ta’ moħħ il-Ħanż per eżempju jispikka f’waqtiet partikolari biex jaħrab mill-forka per eżempju  jew biex ipattiha lil Patrick tal-Fanfaruna. Il-bqija hu u sħabu jinġarru mill-kurrent tal-ġrajja li jħabbtu wiċċhom magħha. Altru milli ma jikkontrollahom ħadd. Dak li jippjanaw (meta jippjanaw) jiżgarra sikwit u bil-kbir, bosta drabi minn post imorru f’ieħor biż-żball jew għax imġiegħlin.

Kollettivament il-membri tal-Kranium riedu l-fama u l-flus u għalhekk għamlu patt mas-Serp ta’ Seba’ Rjus biex isiru popolari bil-mużika li jdoqqu iżda l-prezz li jridu jħallsu huwa qares. Ingħataw l-vann u l-istrumenti msaħħrin sabiex jiksbu dak li xtaqu u biex ipattu għal dan il-gwadann, wegħdu li se jaqbdu l-Ħanżira tal-Erwieħ u jagħtuha lis-Serp. Għalkemm din tal-aħħar tidher ħaġa ħafifa, ma rrealizzawx il-kumplessità tagħha u mhux talli ma’ qabdux il-ħanżira talli spiċċaw ippersegwitati mill-istess Serp u għalhekk anki l-potenzjal tal-fama tagħhom beda jiżvinta peress li tilfu diversi opportunitajiet li jdoqqu. Issa anki d-drummer tilfu għax il-Ħassu ‘miet’, inbidel u telaqhom. U lanqas biss jafu x’laqathom!

Minkejja d-dalma li waqgħet fuqhom, minkejja l-ħajja vagabonda u miskina tagħhom, ma tismax qrid mingħandhom. In-nugrufun ta’ dak kollu li qed jinħaraq taħthom, fuqhom u madwarhom, il-Ħanż u l-Kraws u anki l-Ħassu ifarfruh minn fuqhom billi jfaqqgħu iċ-ċajt, idoqqu u jkantaw u jpejpu sigarett. Id-dinja tal-Kranium qed taqbad. Is-Serp u Ċensa l-Mewt jiġru warajhom, in-Nòsi u l-Ingliż joqtluhom jekk jiġu taħt idejhom, id-dragiet, l-għuliet u l-mniegħel iġorruhom u jgħaddsuhom sa għonqhom fil-ħama, l-inkwiet u fil-perikli... u l-Kranium... ta’ moħħ ir-riħ li huma, jieħdu kollox bin-nejk.



Saturday, April 13, 2019

Klandestin jew Fej' żbokk?

Il-Komiks tas-Sikkina kienu u għadhom intenzjonati għal qarrejja partikulari. Bil-pubblikazzjoni tal-istrixxikli tagħna fuq Facebook qed nittamaw li tiżdiet il-faċilità li naslu għand aktar nies imma l-iktar għand dawk li jaħsbu xi ftit differenti mill-kotra u dawk li f'għeruqhom jew fit-trobbija tagħhom għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali Malti. Dawn in-nies x'aktarx li huma artisti u innovativi jew inkella nies intelliġenti li kapaċi bl-influenza tagħhom jgħinu sabiex dan il-wirt ma jintilifx.

Ħafna minnkom li qraw l-istrixxikli tal-Gawgaw u L-Imlejka u tal-Kranium kif ukoll ta' Piju s-Surġent, jafu li m'aħniex nippruvaw ngħallmu jew ngħaddu xi messaġġ. Dawn il-komiks huma biss għal gost u għal mogħdija ta' żmien u hekk irriduhom jibqgħu: bħal ma' kienu l-ħrejjef ta' missirijietna dari; anki jekk ħaduhom fl-università u tefgħuhom taħt il-mikroskopju u analizzawhom bir-reqqa u ppruvaw jagħsru minnhom xi tifsira, allegorija jew xi simboliżmu.

Il-Komiks tas-Sikkina kienu maħsuba biex jgħaddu minn id għal oħra, minn taħt it-taħt, kisnijiet, mhux daqstant fil-beraħ sabiex l-artisti li jiktbuhom u jpenġuhom ma jkollhomx ix-xkiel taċ-ċensura soċjali, għajr dik imposta fuqhom stess minnhom stess. Il-materjal tal-istejjer huwa għall-kbar iżda ma joffendi l-ħadd. Imma mhux kulħadd jista' jieħu pjaċir bih. Dan għaddejna minnu meta l-istrixxikli tagħna ma tħallewx jinbigħu minn ċerti postijiet minħabba l-kontenut tiegħu. Dak li ktibna u pinġejna u li għad irridu niktbu u npinġu għandu jkun ippublikat b'mod ħieles imma klandestin, kif xtaqnih sa mill-bidu: għal dawk li japprezzawh u jixtiquh.

It-tixrid u t-tqassim tal-materjal tal-komiks tas-Sikkina fuq facebook jista' jitfagħlna dawl ġdid fuq kif il-pubbliku  jaċċetta u jittollera n-nudiżmu u l-erotika u anki l-involviment tal-karattri bħax-xjaten u l-allat mitoloġiċi bħala divertiment. Minn din it-triq taħt l-art li s'issa terraqna, ma nafux eżatt mnejn se niżbokkaw u x'se jiġri mill-Komiks tas-Sikkina.
Iż-żmien jagħtina parir.



Tuesday, April 2, 2019

L-1el strixxiklu maħruġ fuq facebook



Għaddew kważi għaxar snin mindu l-Komiks tas-Sikkina ppubblikaw l-ewwel strixxiklu tal-Gawgaw u l-Imlejka u matul dan iż-żmien kien hemm mumenti nkuraġġanti fejn rajna interess qawwi minn bosta nies li tħajru jaqraw l-istejjer impenġija li konna qed noffru. U b'dan l-istess entużjażmu tal-qarrejja tagħna, qawwejna qalbna biex inkomplu naħdmu anki jekk b'pass ta' nemla minħabba l-limitazzjonijiet produttivi tagħna.

Il-komiks tas-Sikkina twieldu biex jagħtu l-ħajja mill-ġdid u joħorġu fil-beraħ dawk il-karattri tal-fantasija Maltin li darba xegħlu l-immaġinazzjoni tal-poplu u tawh sens ta' avventura u misteru. Mill-kantina minsija u mitluqa fir-ruħ Maltija,  ridna noħoġuhom dawn il-karattri, u nfarfruhom mill-għabra li nġemgħet fuqhom għal għexieren ta' snin, inlibsuhom libsa ġdida u nillustrawhom biex jerġgħu jleqqu bħal meta kienu fl-aqwa tagħhom. Hekk feġġu f'għajnejna mill-ġdid il-Gawgaw, l-Imlejka, il-Ħares, l-Ors tal-Gandlora, it-Tork tat Taraġ, Bedud, is-Serp tas-Seba' Rjus, Ċensa l-Mewt u ħafna u ħafna oħrajn li dehru fil-komiks tas-Sikkina u li għad iridu jidhru fil-ġejjieni qrib.

Aħna tal-Komiks tas-Sikkina ħdimna fil-kwiet u fil-magħluq matul dawn l-għaxar snin li għaddew biex mhux biss nuru dawn il-karattri b'dehra kontemporanja imma biex ukoll insibulhom posthom fl-arblu ta' razzithom u fil-ġerarkija tal-kwien mistħajla u mitwemmna fir-rakkonti ta' missirijietna. Hekk tabilħaqq illum issawwret 'id-Dinja Mitoloġika Maltija' kif narawha aħna tal-Komiks tas-Sikkina. Ir-riżultat ta' din il-ħidma nittamaw li dejjem joħroġ iktar fil-beraħ primarjament permezz tal-internet u wkoll fi strixxikli li nippublikaw iktar 'l quddiem.

Fl-okkażjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-paġna tagħna fuq facebook u tal-ewwel pubblikazzjni tal-Komiks tas-Sikkina f''Mejju 2009, qegħdin issa nerġgħu nippubblikaw l-ewwel strixxiklu tagħna, dak tal-Gawgaw u l-Imlejla - Fil-garigori ta' moħħi jew jisbaħ ukoll mingħajr serduk - din id-darba fuq facebook.
Aqraw u gawdu.





Thursday, March 14, 2019

Xogħlijiet għaddejjin bħalissa



Wara nuqqas sostanzjali tal-preżenza tagħna fuq facebook erġajna nidejna l-paġna tagħna, naturalment, bl-isem tal-Komiks tas-Sikkina, sabiex nibqgħu nżommu kuntatt magħkom illi ssegwuna u forsi ukoll inħajru lil xi nies ġodda biex jaqraw l-istrixxikli taghna.

Bħalissa għandkom tkun tafu, li għaddej ix-xogħol fuq it-tieni strixxiklu ta' Piju s-Surġent. L-artist abbli DELL (Robert Zammit) diġa lesta d-disinn kollu u jonqos il-bżieżaq tal-kliem, effetti tal-ħsejjes, ippaġna eċċ. L-istorja hija mill-pinna divertenti ta' Bin Għisa li bħas-soltu jqaxxar il-karattru tal-eroj ġdid Malti b'sengħa li ma bħalha u jħallina nitbissmu u nantiċipaw matul ir-rakkont kollu.

Irridu nsemmu wkoll ħafif ħafif, ir-raba' strixxiklu tal-Gawgaw u L-Imlejka li ukoll wasal fl-aħħar fażi tiegħu iżda iktar aħbarijiet fuq dan iktar 'l quddiem.

Għalhekk segwu dan il-blogg, il-paġna ġdida ta' facebook u s-sit elettroniku tagħna biex tkun tafu bl-aħħar aħbarijiet. 



Saturday, March 26, 2016

Kotra - Kontra l-Kurrent


Inizjattiva sabiex it-talent Malti jippromwovi ruħu quddiem udjenzi ġodda saret mill-grupp organizzattiv immexxi minn Jeremy Naser Grech fir-Razzett l-Aħmar. Din hija it-tieni darba li qed isir dan il-kunċert u din id-darba se jkollu l-gruppi KAFENA, MARMALJA, KAPITLY TLETTAX u MISTURA li diġa daqqu lbieraħ u llejla se jdoqqu CYBERIA, BRODU, SONITUS ECO U RAS flimkien ma' DJ Mike Bugeja.

Aħna tal-Komiks tas-Sikkina se nkun hemm inbiegħu l-istrixxikli tal-Gawgaw u l-Imlejka, ta' Kranium, ta' Piju s-Surġent. Se nkun qed inbiegħu ukoll Stejjer Impenġija ta' Davida Flores u Audrienne Degiorgio. Jekk jonqoskom xi kopja minn dawn illejla aħarbu ħarba sar-Razzett l-Aħmar fl-dak l-ambjent rustiku u atmosferiku tiegħu, sabiex mhux biss tixtru (b'prezz mraħħas) il-kopji nieqsin tagħkom tal-Komiks tas-Sikkina imma ukoll tgawdu mill-mużika alternattiva u klandestina li qegħdin joffru ż-żgħazagħ taż-żmienna.

Kulħadd għall-għall-festi tal-ġimgħa mqaddsa... imm'int imxi kontra l-kurrent u ejja mal-KOTRA.

It-tieni edizzjoni ta' Kotra. Nhar il-25 u 26 ta' Marzu ġewwa r-Razzett l-Aħmar.

Numru limitat ta' biljetti issa jinsabu għall-bejgħ minn dan is-sit -
http://shop.trackagescheme.com/event/kotra-kuncert-kontra-l-kurrent/

Il-prezz ta' dawn hu ta' €6 għal jumejn.


Biljetti ta' jum ser ikun hemm biss mal-bieb. Prezz ta' jumejn minn mal-bieb ser ikun ta' €8!

Saturday, January 2, 2016

Fjur is-sena l-ġdida 2016

Mhux ta' min joqgħod jagħmel il-proponimenti meta nafu li hija iebsa biex nimxu iktar pass imgħaġġel fil-publikazzjoni tal-Komiks tas-Sikkina. Veru li li x-xogħol waqa' lura bil-bosta. L-istennija għall-istrixxiklu tal-Gawgaw u l-Imlejka nru.4 hija waħda li damet iżżejjed u din is-sena rridu li din ma tibqax ttul. Allura, forsi din hija ukoll proposta għas-sena 2016. Fil-qedem tal-Babilonja jingħad li n-nies kienet tagħmel il-proponimenti quddiem l-allat sabiex tinbidel u ssir togħġobhom. Wegħdiet li kulħadd jittama li jwettaq.

Bdiet sena ġdida. L-Imlejka hija magħrufa fil-folklor tagħna li fl-ewwel tas-sena tinżel iddur it-toroq u żżur id-djar tagħna. Tinża' l-libsa l-qadima u xxidd il-ġdida. Xi uħud kienu jarawha li minn mara xiħa tinbidel fi xbejba ta' ġmiel li ma bħalu. Hija u timxi fit-triqat tagħna, warjaha tħalli r-risq fejn tara l-ordni u l-indafa inkella l-fell (li hu risq ħażin) fejn tara t-traskuraġni u l-ħmieġ. Permezz ta' dan il-blogg li fil-biċċa l-kbira tiegħu jkun mitluq matul il-jiem tas-sena, qed nippostjaw l-ewwel messaġġ li qed iservi bħala proponiment biex l-istrixxikli li jmiss, jaslu għandkom b'mod iktar spiss. Nittamaw ukoll li din it-tħarbixa dwar l-Imlejka ġġibilna r-risq biex iseħħ dan, iktar milli ġabet drabi oħra fi snin imgħoddija.

Lilkom li għadkom bil-paċenzja kollha tistennew il-kontribuzzjoni tagħna fil-komiks tas-sikkina, nawguralkom is-sena l-ġdida mimlija risq u ukoll mimlija b'iktar strixxikli minn tagħna. L-istess awgurju lilek li dħalt iżżurna għall-ewwel darba.