Thursday, June 16, 2011

It-3et strixxiklu tal-Kranium

Mis-sensiela tal-GĦID TAL-ERWIEĦ tal-Komiks tas-sikkina, jasal it-tielet strixxiklu tal-Kranium: Il-Qamar fil-Bir. Fl-istrixxikli ta' qabel, il-Ħassu raqad ma' Guzzetti ż-żagħka għula u nħotof minnha, jiġifieri serqitlu ruħu biex għamlitu lsir tagħha. Imma l-Ħares tal-Wardija jsejjaħ lil Nar il-Bluh u dan jibgħat lil Guzzetta għand boxxla xjaten. Il-Ħassu jibqa' jdur fid-dinja bla ruh għalkemm ikun irrestawrat xi ftit mis-Sultana l-Ħamra biex jibqa' juża moħħu. Imma ġismu jibda jinbidel f'waħx u d-Draga Żawwaluna tapprofitta ruħha biex tiġbru maċ-ċorma tagħha tal-uħux li jaqduha. Sadanittant iż-żewġ membru l-oħra tal-grupp Kranium jitqabbdu minn patrun klandestin biex iġorrulu ħaġra tal-mejtin. Minn hawn jibda l-għawġ.


Saturday, June 4, 2011

Kranium 3 f'Earth Garden 2011


Earth Garden 2011
Is-Sibt u l-Ħadd 4 u 5 ta' Ġunju 2011, il-Komiks tas-Sikkina se nkunu preżenti f' Earth Garden, il-fiera ambjentali f'Tal-Qali, mill-4 ta' waranofsinhar sa billejl. Hemmhekk se jkollna għall-bejgħ it-tielet strixxiklu tal-Kranium, il-grupp rock li jgħaddi minn ġrajjiet strambi. Dan hu l-aħħar mis-sensiela tal-Għid tal-Erwieħ, għadu ġej frisk mingħand l-istampatur u ma ssibuh imkien ieħor ħlief minn idejna. Għalhekk ejjew żuruna ftit f'Tal-Qali u akkwistaw dan l-istrixxiklu mpenġi mill-artist Dell (Robert Zammit) miktub mill-barba Kieli b'tifsila artistika ta' Bin Għisa. Magħna jkollna ukoll il-ħarġiet kollha li s'issa ppubblikaw il-Komiks tas-Sikkina. Din sena, bħas-sena l-oħra, se jkun hemm ħdejna ukoll il-gaj tal-Comic Con u għaldaqstant se tkun opportunità għalikom li tħobbu l-komiks biex taqsmu d-delizzju tagħkom magħna. Narawkom hemm.


Il-qoxra tal-istrixxiklu Kranium 3


Dell ipinġi mal-Komiks tas-Sikkina.