Tuesday, May 26, 2009

Ħbieb fis-suq.


Fil-wesgħa allokata għall-mużiċisti u l-artisti waqt l-Earth Garden 2009 kien hemm aħna tal-Komiks tas-Sikkina. Jumejn Ta’ Qali f’xemx taqli l-ġrieden, sirna ħomor skarnati. Konna qisna tliet awwisti f’borma misħun.

Kienet okkażjoni sabiħa fejn iltqajna mal-qarrejja ġodda tagħna. Rajna interess minn etajiet differenti u ħafna ħeġġewna biex nibqgħu sejrin bis-sensiliet li ħriġna. L-interess tan-nies kien kważi l-istess kemm lejn il-Gawgaw u l-Imlejka kif ukoll lejn il-Kranium. In-nies li kkonkorrew u xtraw l-istrixxikli, għalkemm mhux bil-mijiet, kienu għalina biżżejjed biex nagħmlu iktar il-qalb sabiex nkomplu bir-ritmu fil-ħruġ regolari tal-Komiks tas-Sikkina.

L-isfida li għandna quddiemna hija din, li nżommu dan ir-ritmu u fl-istess ħin intejbu l-kwalità tal-istampar. Din tal-aħħar nistgħu nagħmluha biss jekk naraw żieda fil-bejgħ għax bħal ma jaf kulħadd l-ispejjeż biex tistampa huma kbar u għalhekk dawn l-ispejjeż jistgħu jinfdew biss billi tikber id-domanda għalihom. Dan sakemm ma nsibux min jisponsorizzana! Imma aħna deċiżi li pass pass naslu sa fejn irridu u ma ndumux. It-tir tagħna hu li nkomplu nipprovdu stejjer tajbin fuq strixxikli stampati b’xi kulur jew iżjed imqar fil-qoxra. Sa ma jasal dak iż-żmien, aħna ċerti li l-qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina, se jkomplu jsegwu l-istejjer fuq il-karta stampata diġitalment mingħajr ma jitilfu imqar nitfa mis-sugu u mill-atmosfera li ħalqu l-awturi u l-penġejja. Għalhekk inħeġġukom tappoġġawna kemm tistgħu billi tixtru l-istrixxikli tas-sensiela, li kif tafu, mhumiex għaljin. Grazzi mill-qalb.

Sadanittant nissoktaw naġġornawkom b’xi tagħrif.

Fil-Fiera tal-Ktieb Malti li se ssir nhar il-Ħamis, il-Ġimgħa, u s-Sibt, 28, 29, u 30 ta' Mejju fl-Auberge d'Italie, Triq il-Merkanti, l-Belt, se jkun hemm ukoll il-Komiks tas-Sikkina.

Il-ħarġiet li bħalissa jinsabu għal bejgħ huma dawn:
Il-Gawgaw u l-Imlejka – l-ewwel strixxikl (ħarġa April 09) mill-ħwienet
L-Għid tal-Erwieħ (Kranium) – l-ewwel strixxiklu – (ħarġa Mejju 09) mill-ħwienet
Il-Gawgaw u l-Imlejka – it-tieni strixxiklu (ħarġa Ġunju 09) mill-Fiera tal-Ktieb Malti.

Filwaqt li l-Kranium (l-1el strixxiklu) dalwaqt se jitqassam fil-ħwienet li qed ibigħu il-Komiks tas-Sikkina (araw fil-ġenb ta’ dan il-blogg), il-Gawgaw u l-Imlejka t-2ni strixxiklu kien jinsab għal bejgħ biss mill-Earth Garden fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Uffiċċjalment se jkun fil-ħwienet f’Ġunju li ġej. Imma se jkun ukoll fil-Fiera tal-Ktieb Malti kif indikajna iktar ‘l fuq.

Nixtiequ niskużaw ruħna jekk mhux dejjem inwieġbu l-kummenti tagħkom. Qegħdin nagħmlu ħilitna biex inweġbuhom kollha. Skoprejna li fis-sit tagħna, t-tweġibiet li bagħatna lura mhux dejjem waslu. Għalhekk agħdruna jekk qbiżna lil xi ħadd. Nassigurawkom li m’għamilniex dan b’xi intenzjoni. Imma ibqgħu iktbulna għax b’hekk nibqgħu inżommu kuntatt magħkom.

Iktar kummenti tagħkom:

Aw, bicca xoghol tajba hafna.Kieku kelli nbiddel xi haga hi li kont naghmlu fuq karta riciklata ghax tajjeb ghal ambjent u nahseb li tatih iktar karatru ta komik.il bqija bomba
Steve Mallia

I would like to really appluad to whom it came out with this idea. Can I ask how I can have the copies mailed to me here in Ireland as I do live here. Chris Dalli


Prosit! Ghamiltu pass ghaqli hafna li hloqtu xi haga kreattiva bil-Malti wkoll! Nammirakom ghax jien ukoll fan ta tip ta comics ( l-manga gappunizi) u nixtieq li xi darba jkolli cans nohloq xi wiehed jien. Prosit hafna! Keep it up!
Iana

Ta’ min jgħid li waqt il-festival Earth Garden, ġie jżurna wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat u ferħilna għall-inizjattiva li ħadna u kkumplimentana għax-xogħol li qed nippreżentaw fl-istrixxikli. Kien propju l-isem “Komiks tas-Sikkina” li qabbdu l-kurżità biex ikellimna. Aħna tajnih kopja tal-Komiks tas-Sikkina u nittamaw li jsib il-ħin biex jaqrahom u jibqa’ jsegwina. Nittamaw ukoll li jkollna l-istess opportunità biex niltaqgħu mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi forsi fil-fiera tal-ktieb Malti s-Sibt u l-Ħadd li ġej. Nafu li t-tnejn imħabbtin ħafna imma jiswielhom jekk jirrilassaw xi ftit bil-Komiks tas-Sikkina. Xi tgħidu? Għandu mnejn li t-tnejn jogħġobhom il-Gawgaw ;)

Friday, May 22, 2009

Kranium l-1el strixxiklu



Meta tfaċċa l-Ħaddied quddiemna, ħajjarnih biex jibda xi ħaġa ma' tal-Komiks tas-Sikkina. Peress li kellu ħin kemm irid biex jiddedika għat-tpenġija, aċċetta mill-ewwel u medd għonqu għax-xogħol. L-istrixxikli tagħna jinħadmu b'mod volontarju u l-iskop ewlieni tagħna hu li nieħdu gost aħna u nagħtu pjaċir lil min jaqrahom. Il-Ħaddied għall-ewwel beda fuq it-tielet strixxiklu tal-Gawgaw u l-Imlejka imma mbagħad Bin Għisa ra li aħjar li għalissa l-Gawgaw jitpenġa mill-istess id sabiex il-qarrejja ma jitfixklux.

Allura daret fuq il-Barba Kieli biex joħroġ b'xi storja ġdida u għalkemm kellu xi waħda lesta fil-kexxun, fettillu jdawwarha u jbiddilha biex taqbel mal-istil tal-Ħaddied. Issa għal min ma jafx il-Ħaddied ngħidlulu li, dan it-tali, jtajjar in-nar minn idejh u strixxiklu wieħed jagħmlu fi tliet ġimgħat tant li lill-oħrajn iħallihom b'ilsienhom barra biex ilaħħqu miegħu fil-kitba. Imbagħad il-Barba Kieli.... dak kollox jagħmel b'pass ta' nemla.

B'hekk twieldet is-sensiela l-Għid tal-Erwieħ ibbażata fuq il-karattri mistħajla ta' żminijiet oħra. L-istorja tirrakkonta kif grupp rock bl-isem ta' KRANIUM joħroġ f'nosillejl biex idoqq f'xi każin imma huma u sejrin jinħatfu minn essri parnormali u minn hemm tisvolġi ġrajja stramba u kumplessa bejn il-forzi misterjużi ta' taħt l-art. Imma t-tliet membru tal-grupp jibqgħu friski bħal ħassa quddiem dawn l-għeġubijiet li jseħħu quddiem għajnejhom u dejjem insibuhom jiżfnu skont id-daqqa. L-isfond tal-istorja u tas-sensiela huwa l-jum famuż tat-2 ta' Novembru, jum il-mejtin kollha, imsejjaħ L-GĦID TAL-ERWIEĦ. Il-karattri tal-ispirti u tal-essri paranormali fil-ġrajja tal-KRANIUM huma kollha meħudin jew spirati mill-għajdut, is-superstizzjonijiet u l-istejjer li kienu jingħadu f'Malta fi żmien meta artna kienet ħafna isbaħ u iktar ekoloġika milli hi llum.

L-ewwel strixxiklu tas-diżavventuri tal-KRANIUM jista' jinkiseb għall-ewwel darba mill-festival ekoloġiku Earth Garden fit-23 u l-24 ta' Mejju 2009 f'Ta' Qali. Hemmhekk se jkun hemm ukoll għall-bejgħ il-GAWGAW U L-IMLEJKA it-tieni strixxiklu "f'Bufies ma jiġux nies".


Tuesday, May 19, 2009

Preżenza


Artiklu mifrux fuq żewġ paġni fuq ILLUM tal-Ħadd li għadda.

Il-mejda tal-kafeterija li qasmet magħna l-ħolm tal-karattri tal-Gawgaw u sħabu, rat ukoll il-ġlied tal-ħsieb. Mhux ta' b'xejn issemmew il-Komiks tas-Sikkina għax sikwit id-diskors fuq il-mejda sar jaqta' daqs xafra u li kieku l-ħsieb kien tal-laħam, minnu kien inixxi d-demm. Imma kull bidu għandu l-iebes u hekk ukoll f'dawn l-istrixxikli.

Oriġinarjament il-Komiks tas-Sikkina kellhom ikunu klandestini, jiġifieri jinbigħu biss mill-idejn u mingħajr pubbliċità fil-medja. Imma r-riħ dar u llum qed naraw il-Gawgaw u l-Imlejka flimkien mal-Kranium irreklamati fuq il-Youtube, fil-gazzetti, fuq it-televiżjoni, fil-facebook u saħansitra fis-swali taċ-ċinema. Xejn ta' barra minn hawn. Għaż-żminijiet ta' llum din hija ħaġa normalissima, anzi kellna kummenti li mhix issir pubbliċità biżżejjed. Imma tajjeb li wieħed ma jarax kbir. L-iskop prinċipali hu li l-preżenza tagħna tinħass.

Aġġornament tal-lista ta' ħwienet mnejn tikseb kopja.

Agenda - Triq ir-Repubblika il-Belt
Agenda - L-Università tal-Qroqq
Velmor - Pjazza Antoine de Paule, ir-Raħal il-Ġdid
St Anne's Emporium - Triq Sant' Anna l-Furjana
Palmyra - Birkirkara
Malta Comics - 60 Triq San Duminku, Tas-Sliema
Aw Tribu! - Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura

Earth Garden - 23 24 ta' Mejju 2009, Ta' Qali.

Tuesday, May 5, 2009

M'hawnx għalina...bdejna bit-tajjeb!!!


Il-Gawgaw fuq Youtube, artiklu fit-Times u s-sit li ħabbatna.

Dawn huma uħud mill-messaġġi li rċevejna s’issa fuq Il-Gawgaw u l-Imlejka (l-1el str)

PROSIT !!!KOMPLU HEKK!!!GHAX HEMM BZONN NIES BHALKOM!!!
Emmanuel

Ġejt it-tnedija u ħadt pjaċir.Il-komik il-vera qiegħed tajjeb, mill-bidu sal-aħħar.Ħe ħe :)Prosit.
Altomaltes

Din l-ahjar ahbar li rajt f'gazzetta (it-Times) f'dan l-ahhar - insomma, jumejn, tal-anqas. Niftakar sekli ilu l-komiks tas-Saghtar - Ir-Rewwixta tal-Ilsiera, Viku Mason, Il-Kaccatur... dawn taghkom harira differenti - nispera li jimlew il-vojt kbir li hawn ghal dit-tip ta' litteratografija. Ta' min tghaddu xi kopji ghal bejgh mill-Agenda tal-Univ? (xejn xejn indabbar kopja mill-qrib...!)Grazzi, u bir-risq.
JB

Nawguralkom success f'dan il-progett gdid taghkom. Naf kemm hi difficli din il forma ta' letteratura biex taqbad f'Malta. Jien kont wiehed mill illustraturi tal- Komik u Avventura li kienu mietu fuq ommhom fil passat. mill gdid awguri.
Victor

Hello Maltese 'bullpen' (!)Prosit tassew! Jien fanatiku tal-comics u niftakar kemm kont niehu gost naqra "il-Kaccatur" u "Sajjetta". Sfortunatament issa qieghed nghix l-Amerka u qed nikkollezzjona il-Marvels t'hawn! Tahsbu li fil-futur tkunu tistghu tibghatu l-komiks taghkom barra Malta (ovvjament bi hlas!) Grazzi u keep it up!
James

Fl-ahhar!!!!!!! Instab uzu ghall-Malti f'dawn iz-zmenijiet 'moderni'!... Nawgura kull success lil awturi (Bin Għisa, Il-Barba Kieli u l-Ħaddied).
May D Vella


Ix-xitan m’għandux ħalib u jagħmel il-ġbejniet. Ried li lbiereaħ is-sit tagħna http://komikstassikkina.page.tl/ jiżviluppa xi ħsara teknika u mill-għaxra ta’ filgħodu sa nofsillejl, konna għadna nippruvaw inqiegħdu s-sit fl-ordni. Dan propju fil-jum meta deher artiklu fuq it-Times u s-sit tagħna rreġistra mal-245 viżitatur f’24 siegħa (aħna stennejna ħafna inqas). Niskużaw ruħna jekk forsi xi ħadd daħal u sab xi stampi neqsin u xi kitba mhix f’postha. Wara ħafna tisbit ta’ tastieri u xħit ta’ kompjuters mit-tieqa għal isfel, is-sit reġa’ lura għan-normal. (Naħlef li għandna s-saħta ta’ Bedud fuqna!!)

Dawk li qegħdin jistaqsu mnejn isibu jixtru Il-Gawgaw u L-Imlejka, nitolbuhom jistennew ftit ieħor sakemm l-istrixxikli jitqassmu fil-ħwienet li semmejna :
Agenda : L-Università Tal-Qroqq
Agenda : Il-Belt Valletta
St Anne's Emporium : Triq Sant'Anna, il-Furjana
Velmor : Ir-Raħal il-Ġdid
Palmyra : Birkirkara
Malta Comics & Collectibles : 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema.

Qed nisperaw li nirranġaw ma’ xi ħwienet oħrajn li faċilment ikunu milħuqa.

Grazzi nies.

Friday, May 1, 2009

Ħajr



Mela mill-bieraħ, il-Komiks tas-Sikkina bdew jiċċirkulaw fl-idejn. F’isem Bin Għisa, l-Barba Kieli u l-Ħaddied nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li ġew għat-tnedija tal-ewwel strixxiklu. Il-preżenza ta’ dawn in-nies għamlitilna l-qalb speċjalment meta nafu li dawn irnexxielhom iterrqu mal-labirint tat-toroq industrijali fil-Marsa biex isibuna f’dak li qabel kien maħżen imwarrab wara l-fabbrika tas-sulfarini.

Grazzi kbira ukoll lil tal-MCA li pprovdew dak kollu li kellna bżonn biex intellgħu din l-attività. Ħajr mill-qalb lil dawk kollha li għenu f’din l-attività u għall-appoġġ morali tagħhom. Dawn in-nies, senza interessi, ddedikaw ħinhom u l-enerġija tagħhom sabiex il-lejla tirnexxi mill-aspett organizzattiv.

Ringrazzjament imur ukoll lil dawk l-individwi li għoġobhom ixerrdu t-tagħrif dwar it-tnedija permezz tal-posta elettronika u fl-istess ħin napprezzaw immensament l-għajnuna ta’ oħrajn li għoġobhom jqiegħdu l-filmat tal-Gawgaw fuq il-facebook jew fil-paġna tagħhom fuq il-Youtube. Grazzi ħafna lil dawn.

Fix-xhur li ġejjin se nkomplu bis-sensiela tal-Gawgaw u L-Imlejka u bil-ġrajjiet intriganti u eċitanti fid-dinja ta’ Bufies u lil hinn minnu. Irridu li dawn ir-rakkonti mpenġija jaslu f’idejkom b’mod konsistenti u se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dan iseħħ.

Il-komiks tas-Sikkina għad iridu jirrakkontaw ħafna u ħafna stejjer. Ma’ kull strixxiklu ġdid jinħolqu u jinkixfu iktar misteri u tikkarga iktar l-avventura. Ma’ kull strixxiklu tiżdied id-doża ta’ fantasija u jkunu skoperti iktar karattri bl-aġenda partikulari tagħhom.


Segwuna. U ma jiddispjaċikomx.