Sunday, November 27, 2011

Il-Malta Comic Con 2011 - għaddiet ukoll.



Bħall-attivitajiet l-oħrajn li kellna din is-sena, l-Earth Garden u l-Lejl Imdawwal (Notte Bianca), il-Malta Comic Con waslet ukoll fi tmiemha illum. Dawn nistghu ngħidu li huma l-uniċi opportunitajiet li jipprovdulna lok fejn niltaqgħu magħkom il-qarrejja u dan nieħdu gost nagħmluh u nistennew bil-ħerqa għad-drabi li jmiss, x'aktarx is-sena d-dieħla. Intom li sirtu tafuna għall-ewwel darba u qed tħufu fis-sit tagħna u f'dan il-blogg, nagħtukom merħba filwaqt li nistednukom tkomplu ssegwuna fil-ġimgħat li ġejjin għal xi ħarġiet ġodda tal-Komiks tas-Sikkina.


Il-festival tal-komik din is-sena kien, fl-opinjoni tagħna, suċċess, mimli b'attivitajiet interessanti u artisti talentati u attendenza sabiħa tal-pubbliku. Nirringrazzjaw lill-organizzaturi, il-Wicked Comics u nifirħulhom għal dan is-suċċess. Ħadna gost naraw pubblikzzjonijiet ġodda minn artisti lokali. Nittamaw li dan ir-rittmu jkompli għaddej fis-snin li ġejjin. Prosit lil kulħadd.



Dawn huma l-pubblikazzjonijiet li rajna u li akkwistajna aħna fl-edizzjoni ta' din is-sena:



For Galantry Issue 0 u #1 ta' Fabio Giangolini



Arcana Crusade 1 - Bernard Micallef




Ħal Mudlam Issue 2 - Joseph Bugeja



Apocalypse Rocked Part 1- Dean Fenech



Pilot -Comic Anthology


Piju s-Surġent - Bin Għisa u Dell (Robert Micallef)

Tuesday, November 22, 2011

Piju s-Surġent fil-Malta Comic Con 2011




Piju s-Surġent huwa wieħed mill-karattri l-ġodda tal-Komiks tas-Sikkina. Maħluq minn Bin Għisa u mpinġi minn Dell (Robert Zammit), dan il-karattru l-ġdid ikompli jintroduċina mal-kwien tas-seħer bħalma huma d-dragi, tas-setta, s-sħaħar, ix-xjafek u l-kitbiebes. Piju s-Surġent huwa aġent speċjali tal-Qamar, u mibgħut mill-Ħares biex ikisser li dawn li jġibu l-kaos u d-diżordni. Għax Piju ma jaħmilx 'l min jagħmel il-ħsara. B'dirgħajh felħana jeħodha mal-bhejjem feroċi u l-uħux li joħorġu fis-satra tal-lejl.


Piju s-Surġent deher għall-ewwel darba s-sena l-oħra fi strixxiklu speċjali tal-Comic Con. Din is-sena se jkompli fejn ħalla l-aħħar darba biex jiġġieled għalina ċ-ċittadini u 'l dawk li mhumiex magħna se jifqagħhom, jgħattanhom u jġibhom fix-xejn.

Piju s-Surġent huwa strixxiklu wieħed waħdu, jiġifieri storja bla rabta ma' xi sensiela oħra. Jinkludi fih l-istorja tas-sena l-oħra u se jkun għall-bejgħ fil-Comic Con ta' din is-sena fil-Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt, fis-26 u s-27 ta' Novembru 2011.



Friday, November 4, 2011

Malta Comic Con 2011




Il-festival annwali tal-komiks f'Malta se jsir fis-26 u s-27 ta' Novembru 2011 fil-kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt. Se jkun hemm ħafna attivitajiet differenti inklużi films, taħdidiet, wirjiet ta' artisti lokali u barranin eċċ. Aħna tal-komiks tas-sikkkina se nkunu hemm bl-aħħar strixxikli tagħna. Tilifux dan l-avveniment tas-sena intom kollha dilettanti tar-rakkont impenġi. Segwu l-aħħar aħbarijiet u żviluppi fis-sit uffiċċjali tal-Malta Comic Con hawnhekk.