Sunday, October 17, 2010

Malta Comic Con 2010... għors id-dilettanti!


Fl-atriju ta' San Ġakbu.
Avveniment li ħafna dilettanti tal-komiks, ta' kull sena, saru jistennew bil-ħerqa. Il-festival tal-komiks għadda malajr wara xhur ta' preparamenti mill-organizzaturi u l-artisti kif ukoll mill-kontributuri. Kif jaf kull min żar il-kavallier ta' San Ġakbu, il-festival kien suċċess ieħor wara d-debutt tiegħu is-sena l-oħra fl-istess lok.

Il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina.

Imballat b'attivitajiet varji ta' logħob, taħdidiet u kompetizzjonijiet, l-attrazzjoni prinċipali naturalment kienet "il-komik". Għexieren ta' komiks kienu għal wiri bl-awturi tagħhom Maltin u barranin jiffirmawhom għall-ammiraturi tagħhom filwaqt li mijiet oħrajn kienu għall-bejgħ flimkien ma' figorini u mudelli tal-eroj tal-komiks. Id-dilettanti jidhru li kkonkorrew bil-kbir għal dan il-festival li issa donnu daħal b'mod definit fil-kalendarju kulturali popolari ta' pajjiżna. Aħna tal-Komiks tas-Sikkina nappoġġaw bi sħiħ din l-inizjattiva u l-mejda tagħna armata bl-istrixxikli, ma naqsitx li tkun hemm mal-oħrajn. Qattajna jumejn tal-ġenn nitkellmu man-nies li jżuruna u naqsmu magħhom l-ideat tagħna. Nirringreazzjaw lil dawk kollha li xtraw il-komiks tagħna, lil dawk ġodda u lill-oħrajn li jsegwuna mill-qrib.
Biswit il-mejda tagħna, onorati bil-preżenza
ta' missier il-komik Malti : Ġorġ Mallia.

Din id-darba ma kellniex strixxikli ġodda għax il-Barba Kieli qisu qed iqatta' l-blat biex ilesti r-raba' strixxiklu tal-Gawgaw. Imma Bin Għisa qatgħha li jippubblika tifkira għal din il-comic con u ġera wara l-artisti biex jiġbor xi xogħlijiet tagħhom. Ma kinitx faċli. Staqsuh!


L-istrixxiklu tifkira tal-Comic Con 2010.

Imma kien ukoll pjaċir tagħna naraw pubblikazzjonijiet ġodda ta' artisti Maltin għall-bejgħ. Dan huwa żvilupp importanti li nittamaw iżomm ir-rittmu li kull sena nibdew naraw xogħlijiet lokali fis-suq. Prosit lill-kittieba u lill-artisti kollha li qed jikkontribwixxu lejn dan. Nirringrazzjaw ukoll lill-organizzaturi u għal darb'oħra nifirħulhom għas-suċċess tal-Comic Con 2010.


Artists and Story Tellers:
Robert Zammit u Bin Għisa
Anthony Pirotta
Lorry Sultana u Mikiel Galea
Raymond Agius

The Tsar : Joseph Farrugia u Joesph Bugeja
Ħal Mudlam : Joseph Bugeja


The Golden Lizard:
Fabio Agius
Chris Le Galle
Mark Ellul
L-istrixx Nru.14 :
Il-Barba Kieli

Friday, October 15, 2010

Festival tal-Komiks f'Malta


Il-Malta Comic Con 16 u 17 ta' Ottubru 2010 fil-Kavallier ta' San Ġakbu l-Belt, mill-10 sas-6. Artisti Maltin u mistednin barranin mill-Ingilterra, l-Italja u l-Amerka se jkunu qed jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom, ipinġu u jbigħu xogħolhom. Aħna se nkunu hemm bl-istrixxikli tagħna tal-Komiks tas-Sikkina. Ejjew żuruna.