Tuesday, January 1, 2013

2013 Is-sena t-tajba lill-qarrejja tal-komiks.


Għaddiet sena oħra u s-Sultana tax-xhur kollha, l-Imlejka, reġgħet ġiet iżżurna fl-ewwel jiem ta' din is-sena, bħas-soltu tistenna li xxomm riħa tfuħ fi djarna biex tħallilna r-risq. Risq tajjeb naturalment, għalina tal-Komiks tas-Sikkina, għax din is-sena qed nistennew li tkun aħjar minn dik li għadha kif għaddiet. Il-Gawgaw u l-Imlejka, strixxiklu nru. 4 għandu jkun lest ma jdumx. Għandna ppjanati stejjer ġodda mhux tas-soltu għalikom miktubin minn Bin Għisa u mpenġijin minn artisti tajbin ħafna magħrufa fix-xena tal-komiks f'Malta. Dwar dan ix-xogħol u l-artisti, niżvelaw iktar dettalji fix-xhur li ġejjin. Hekk ukoll nittamaw li tinħema l-istorja l-ġdida ta' Piju s-Surġent u oħra tal-Kranium. Nittamaw li nsibu opportunitajiet biex aħna tal-Komiks tas-Sikkina niltaqgħu magħkom il-qarrejja u fiż-żgur nagħmlu minn kollox biex inżommu dawk l-appuntamenti importanti ta' matul is-sena, bħall-Comic Con u forsi l-Earth Garden u l-Lejl Imdawwal, fejn l-istrixxikli tagħna jkunu disposti għalikom.

Nawguraw lilkom il-qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina u lil kull min hu delettant tal-komiks, sena mimlija ġid u hena u r-risq li ġġibilna l-Imlejka.