Friday, January 2, 2015

Is-sena t-tajba.




Għeżież segwaċi ta' dan il-blogg u qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina, nixtiqulkom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida,  u r-risq u l-ġid li tista' ġġib magħha. Bħal kull sena, aħna nawguralkom bil-mod fantastiku u mitoloġiku kif aħna mdorrijin nagħmlu fl-ispirtu tal-komiks tagħna. Kif għednielkom drabi oħra biex infakkrukom dwar ix-xbieha tal-Imlejka, li skont Patri Manwel Magri. hija l-ekwivalenti tal-alla qadima feniċja, Għaxtart, fit-tradizzjoni tal-Maltin tal-imgħoddi, kienet tiġi fl-ewwel tas-sena u ddur id-djar u jekk tidħol f'dar fejn hemm l-intiena, hija tħalli warajha l-fell (jiġifieri risq ħażin) imma jekk issib l-indafa u xxomm il-fwieħa tal-fjuri hija tħalli r-risq.

L-imlejka hija waħda mill-karattri fl-istejjer tal-Gawgaw fejn fl-istrixxikli ppubblikati s'issa, qed tkun imfittxa mill-istess Gawgaw. Nittamaw li jsibha ma jdumx kif nittamaw li ssibuha intom ukoll biex tħallilkom ir-risq u l-ġid. Mela naddfu tindifa tajba darkom, ifirxu soddkom u ixtru bukkett fjuri għal fuq il-mejda għas-sena l-ġdida.