Monday, December 9, 2013

Stejjer Impenġija Nru 1




Dan huwa l-video tal-komik Stejjer Impenġija li għadu kif inħareġ b'kolaborazzjoni bejn il-Komiks tas-Sikkina u żewġ artisti oħra, Davida Flores u Audrienne Degiorgio. L-idea tal-pubblikazzjoni hija dik li ddaħħal iktar l-element letterarju fil-komiks. Dan il-proġett beda jkun diskuss fil-bidu ta' din is-sena u taħt it-tikketta ġdida mwaqqfa mill-istess kolaboraturi bl-isem ta' Stejjer Impenġija, ippubblikat l-ewwel komik mis-sensiela. Iż-żewġ stejjer li nsibu f'din il-pubblikazzjoni huma Lejl Imdawwal u Ħolma. Tal-ewwel miktuba mill-Barba Kieli u impenġija minn Davida Flores filwaqt li tat-tieni għandha l-kitba ta' Bin Għisa u t-tpenġija ta' Audrienne Degiorgio. Bin Għisa ħadem ukoll it-tifsiliet grafiċi taż-żewġ stejjer waqt li d-disinn inġenerali tal-komik tħalla f'idejn Audrienne. Davida ddisinjat il-qoxra.

Min hu interessat li jakkwista kopja ta' dan il-komik ġdid għandu jikteb lil komikstassikkina@gmail.com

Sunday, December 1, 2013



Kafè iswed, tè bla ħalib, hot chocolate u kapuċċino hija l-ordni tipika ta’ żewġ awturi u żewġ artisti tal-komiks li fuq mejda f’misraħ ewlieni fil-Belt,  jitħaddtu u jfasslu sensiela ġdida għall-komiks. Din l-ordni tipika tagħhom għandha karatteristiċi u gosti individwali iżda sħiħa x'ħin imqiegħda flimkien fuq mejda waħda. Dawn huma l-Istejjer Impenġija nru. 1 li għadu kif ħareġ għall-bejgħ fil-Comic Con illum.

Hija ħaġa inkoraġġanti li illum qed naraw numru ta’ artisti jingħaqdu biex jipproduċu xi forma jew oħra ta’ komik. Tħajjarna biex nagħmlu xi ħaġa simili. L-iskop kien li nagħmlu komik imma nibtet din l-idea li l-istejjer ikunu jillustraw rakkonti qosra,  xi ftit jew wisq mundani imma b’togħma letterarja. Fi ħsiebna kellna li dan il-komik jappella għall-qarrejja interessati f’suġġetti oħra  u mhux bilfors fl-eroj tipiku assoċjat ma’ dan il-mezz popolari.
Veru li normalment il-komik ma tarahx f’idejn min iħobb jaqra novelli u rumanzi imma dan hu ftuħ ġdid biex jiġbed qarrejja ġodda tal-komiks. M’aħna nagħmlu xejn ġdid li qabel qatt ma sar. Imma x’inhu ġdid taħt il-kappa tax-xemx?

Fix-xena tal-komiks hawn Malta nħossu li dan it-tip ta’ qari hawn loku u li għandu potenzjal li jiftaħ iżjed possibbiltajiet għas-suq ċkejken tagħna. 

Fuq kollox Stejjer Impenġija joffri sensiela ta’ rakkonti divertenti għall-adulti li ukoll inisslu tbissima jew inqanqlu ħsieb. Magħmulin biex jinqraw malajr kullimkien, fuq tal-linja, fil-brejk tax-xogħol jew f’xi kafeterija int u tixrob it-tè, il-hot chocolate jew il-kapuċċino. Imbagħad tkun tista’ dduq dawn l-istejjer u titpaxxa bil-kikkra artistika u bl-aroma letterarja li qed joffrulek.

Nittamaw li jogħġbuk.


Stejjer Impenġija jinsab għall-bejgħ minn fuq il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina, ta' Pilot u ta' Davida Flores, waqt il-Malta Comic Con 30 ta' Nov u l-1el t' Diċ 2013, fil-Kavallier ta' San Ġakbu l-Belt, bejn l-10.00 ta' filgħodu u s-6.00 ta' filgħaxija.





Sunday, November 10, 2013

Il-Festival tal-Komiks - Xalata ta' talent!


L-appuntament annwali tad-dilettanti tal-komiks f'Malta reġa' wasal. Bħal kull sena ċ-Ċentru tal-Kreattività fil-Kavallieri ta' San Ġakbu l-Belt, se jkun imballat bl-attività relatata mad-dinja tal-Komiks. Fit-30 ta' Novembru u l-1el ta' Diċembru se jinfetħu l-bibien għall-pubbliku biex jiġi jara x'għandhom x'joffru l-artisti residenti Malta u l-mistednin minn barra. Xalata ta' talent fejn ukoll se jkunu għall-bejgħ il-komiks u t-tpenġijiet ta' dawn l-artisti. Magħhom ukoll attivitajiet oħra bħal ilbies ta' kostumi ta' karattri favoriti mad-delettanti. Bejgħ ta' komiks u wirjiet, taħditiet, workshops u films. Kollha taħt saqaf wieħed.

Għal aktar tagħrif tista' taqra dan l-artiklu: Meta l-arti u l-fantasija jiltaqgħu... il-Malta Comic Con 2013



Tuesday, January 1, 2013

2013 Is-sena t-tajba lill-qarrejja tal-komiks.


Għaddiet sena oħra u s-Sultana tax-xhur kollha, l-Imlejka, reġgħet ġiet iżżurna fl-ewwel jiem ta' din is-sena, bħas-soltu tistenna li xxomm riħa tfuħ fi djarna biex tħallilna r-risq. Risq tajjeb naturalment, għalina tal-Komiks tas-Sikkina, għax din is-sena qed nistennew li tkun aħjar minn dik li għadha kif għaddiet. Il-Gawgaw u l-Imlejka, strixxiklu nru. 4 għandu jkun lest ma jdumx. Għandna ppjanati stejjer ġodda mhux tas-soltu għalikom miktubin minn Bin Għisa u mpenġijin minn artisti tajbin ħafna magħrufa fix-xena tal-komiks f'Malta. Dwar dan ix-xogħol u l-artisti, niżvelaw iktar dettalji fix-xhur li ġejjin. Hekk ukoll nittamaw li tinħema l-istorja l-ġdida ta' Piju s-Surġent u oħra tal-Kranium. Nittamaw li nsibu opportunitajiet biex aħna tal-Komiks tas-Sikkina niltaqgħu magħkom il-qarrejja u fiż-żgur nagħmlu minn kollox biex inżommu dawk l-appuntamenti importanti ta' matul is-sena, bħall-Comic Con u forsi l-Earth Garden u l-Lejl Imdawwal, fejn l-istrixxikli tagħna jkunu disposti għalikom.

Nawguraw lilkom il-qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina u lil kull min hu delettant tal-komiks, sena mimlija ġid u hena u r-risq li ġġibilna l-Imlejka.