Saturday, May 4, 2019

PIJU S-SURĠENT U L-MARA L-KAĦLA

Fl-2010, il-Komiks tas-Sikkina ppubblikaw ġabra ta' stejjer qosra mpenġijin minn erba' kontributuri differenti u miġburin fi strixxiklu bl-isem ta' Artists and Story Tellers. F'din il-ġabra kien deher għall-ewwel darba Piju s-Surġent. Dawn l-ewwel kwadretti tal-istorja ta' Piju, miktuba u mfassla minn Bin Għisa u mpenġija minn Dell (Robert Zammit), juru lil dan il-karattru rozz u ta' ftit kliem u li xejn ma' jżommu minn dak li għandu jagħmel. Dan Piju s-Surġent mill-ewwel laqat korda ma' xi segwaċi li jfittxu l-Komiks tas-Sikkina. Għalhekk minħabba dan l-interess speċjali f'Piju s-Surġent, sena wara reġa' deher fuq strixxiklu għalih waħdu ta' 44 paġna bl-isem ta' TAJJEB GĦAX TAJJEB... TAJJEB GĦAX SURĠENT.

Nistgħu ngħidu li dan l-istrixxiklu nieżel tajjeb ħafna ma' dawk li xtaqu jaraw iżjed minn dan il-karattru xi ftit stramb, aħrax u kultant gemgiemi li bħal donnu jidħol għal kull biċċa xogħol b'nofs qalb imma jtemma bl-unuri.

L-istejjer ta' Piju s-Surġent qegħdin ikomplu jiżvelaw iktar dwar id-dinja ta' kwien is-seħer kif fassluha l-awturi tal-Komiks tas-Sikkina, spirati mill-karattri tal-fantasija endemika tal-Maltin u l-Għawdxin.

Per eżempju, Piju fl-ewwel storja jħabbat wiċċu mal-Kitbiebes. Dawn huma dawk l-istatwi tal-ħaġar jew bronż, li b'superstizzjoni jkunu twaħħlu fuq xi bini, bibien, monumenti u funtani sabiex iħarsu l-istess bini minn xi għajn ħażina jew minn spirti mhux mixtieqa. Il-Kitbiebes  jistgħu jieħdu l-ħajja billi jidħol fihom xi għul  jew xi xitan u jinqalgħu minn fejn ikunu u jagħmlu li jfettlilhom. Piju jżomm man-naħa tal-għewiel u għalhekk meta jkunu x-xjaten li jidħlu fil-kitbiebes, xejn ma jieħu pjaċir u kif għamel fl-ewwel storja, faqagħhom u ġabhom tħin.

Fit-tieni storja tiegħu Piju jitqabbad mill-Ħares biex jiltaqa' ma' tas-Setta u li dawn imbagħad iwassluh għand l-għefieret. Meta jiġi wiċċ imb wiċċ mal-kap tagħhom, bil-poteri speċjali li kien tah il-Qamar, Piju jkun jaf x'għandu jagħmel u tabilħaqq li kien jaf, għax meta ra li kienu mniegħel u għefieret, ċappċpilhom daqqtejn kif tmiss il-liġi u ma beżax minnhom avolja ġew fuqu bil-gdus.
Piju spiss isemmi l-għefieret u l-mniegħel u dawn jidhru li huma kwien li jdejjquh wisq u li m'għandux sabar magħhom. Tas-Setta Piju ma kellux xi jgħid wisq fuqhom u jidher li jittollerahom aktar mill-mniegħel u l-għefieret, minkejja li dawn Tas-Setta huma nies li inkitbu magħhom.

Issa wara daż-żmien kollu, sa fl-aħħar wasal strixxiklu ieħor ta' Piju s-Surġent u li fih narawh jivvjaġġa fejn ħadd ma jista' jmur u jibqa' ħaj, jiġifieri fis-Saltna ta' Ċensa l-Mewt. Biex tmur quddiem Ċensa trid tkun mejjet u tabilħaqq Piju għoddu baqa' stendut minħabba din il-biċċa xogħol inkrepattiva li kellu.

Imma ħalli ma ngħidilkomx wisq fuq x'ġara u ma ġarax lil Piju biex ma ntellfilkomx il-gost tal-istorja u nħallikom tiskopru intom kif baqa' l-eroj tagħna s-Surġent. Tistgħu taqraw l-istrixxiklu ta' Piju s-Surġent u l-Mara l-Kaħla hawnhekk

Nittamaw li strixxikli ġodda ta' Piju s-Surġent naraw iktar spiss u li ma ndumux nistennew daqs kemm domna din id-darba.



No comments: