Thursday, November 29, 2012

Nitlaq kollox minn idi biex naqrah!



Kummenti tal-qarrejja:

Bin Għisa,
għadni kemm spiċċajt naqra l-ewwel żewġ strixxikli mis-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka. Ħadt gost ħafna naqrahom, għal bosta raġunijiet.

L-ewwel nett għoġobni l-ħolqien tal-karattri u s-sitwazzjonijiet fl-isfond tal-ħrejjef Maltin u tat-tradizzjonijiet orali (almenu hekk deherli li kienu ċerti referenza għal "jgħidu li..."). Fil-fehma tiegħi, kemm bħala qarrej u kemm bħala bniedem li ninteressa ruħi fil-kitba kreattiva, ix-xogħol tiegħek jiftaħ toroq verament ġodda għax jinqeda bit-tradizzjoni b'mod ġdid u konvinċenti. 

U konvinċenti ħafna u sabiħ, għalija, huwa l-lingwaġġ. Filwaqt li f'kuntest differenti jista' jinstema' arkajku, fil-kuntest ta' dawn l-istrixxikli huwa għal konsistenti mal-proġett kollu. Mhux biss jinstema' sabiħ u konvinċenti talli għalija, minkejja (jew forsi minħabba) l-għeruq tiegħu, jinstema' innovattiv ħafna. 

Għoġobni ħafna, m'għandniex xi ngħidu, il-Malti idjomatiku, espressiv, naturali.

U għoġbitni l-produzzjoni kollha kemm hi, anki bin-noti fuq wara (li nħoss pero' li m'għandhomx jieħdu post l-istorja, kif ħassejt ftit li għamlu fit-tieni strixxiklu). Ikolli ngħid li m'għoġbitnix in-nota dwar Friggieri fit-tieni strixxiklu, rajtha żejda ladarba inti kont diġa' għedt minn fejn ħadt il-versi fl-istorja nfisha. U min irid jista' jinduna li bagħbasthom... Fuq il-produzzjoni ngħidlek biss li naħseb li għandek tagħti trimmjatura fuq il-lemin, fejn il-karti joħorġulek 'il barra minkejja li dan se jaffettwalek il-margin fuq ġewwa... hekk jidhrulek ħafna iktar puliti.

Minħabba li għalija dan huwa proġett kreattiv interessanti u innovattiv ħafna, għandi kurżita' kbira nkun naf kif intlaqa' minn nies mhux midħla tal-letteratura jew l-istudju tal-Malti. Għandi fidi li bi ftit sforz ta' marketing u bil-ħruġ ta' aktar strixxikli fis-sensiela, dan ix-xogħol jista' mhux biss jinqara imma jispira lil ħaddieħor, joħloq is-sottokultura tiegħu (forsi anki l-kultura tiegħu). Hemm fejn timraħ: films, tpinġijiet, websajts, karattri oħrajn, interess fil-kultura orali u fil-ħrejjef Maltin, lirika u mużika... Ma naħsibx li qed nara kbir. Naf, trid timxi u ġġib 'il min jimxi... imma dan diġa' qed tagħmlu. Kieku ma wasaltx s'hawn.

Fuq l-istorja nista' ngħidlek biss li nixtieq inkun naf kif se tiżviluppa, 'il fejn se tiġbed. In-nisa donnhom kollha fihom ġisem u mhux wisq iżjed, imma forsi għad jissorprenduni. Mill-bqija l-istorja f'idejk. Żgur li ma tantx nista' ngħinek jew indawlek jien.

Bin Għisa, tlabtni ngħidlek x'naħseb - domt biex weġibt, imma dan m'għandu x'jaqsam xejn max-xogħol mill-isbaħ li qed tagħmlu int u l-barba Kieli. Għandu x'jaqsam biss mal-fatt li dejjem nispiċċa bix-xogħol b'lura. Li nista' ngħidlek hu li meta joħroġ li jmiss (jew ġa ħareġ?) nitlaq kollox minn idi biex naqrah. U mhux qed nitnejjek, ovvjament.

Saħħiet u proset/grazzi mill-ġdid
Adrian

Bin Għisa u l-barba Kieli

No comments: