Tuesday, November 13, 2012

Kartelluni Kranium/Comic Con



Qatt għaddielek minn rasek li hemm min raqad ma’ waħda u xorrbitlu ruħu? Qatt immaġinajt li tista’ tara l-mejtin jitkellmu? Qatt rajt ħanżira ssuq vann? Dawn u ħafna iktar ħwejjeġ strambi jiġru fir-rakkonti tas-sensiela L-Għid tal-Erwieħ – Kranium (Rock Band), strixxikli li joħorġu l-Komiks tas-Sikkina.

Għall-okkażjoni tal-Comic Con 2012, Dell (Robert Zammit) penġa b’sengħa ta’ artist, poster li juri l-karattri li s’issa ltqagħu magħhom ir-rock band Kranium fl-inkontri tagħhom mad-dinja sopranaturali tas-sħaħar u l-uħux. Fil-Komiks tas-Sikkina s’issa, nsibu tliet strixxikli tal-Kranium li jirrakkontaw it-trasformazzjoni ta’ wieħed mill-membri tal-band minn bniedem normali għal mostru – waħx ikkontrollat minn draga (speċi ta’ saħħara ħażina) mqabbda mis-Serp tas-Seba’ Rjus, f’konfoffa biex jirbħu s-saltna ta’ Ċensa l-Mewt. Il-Kranium idoqqu mużika oriġinali tagħhom imsejħa Demon-Metal, jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn bil-vann stramb tagħhom imsejjaħ ukoll il-Karozza tan-Nar, għaliex jingħad li ħareġ mill-foroġ tax-xjaten-qaddejja tas-Serp.

Segwu l-istorja tal-Kranium fl-istrixxikli tal-Komiks tas-Sikkina li se jkunu għal bejgħ fil-Comic Con ta’ din is-sena fit-8 u d-9 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt. It-tliet strixxikli tal-Kranium huma dawn:
1.       Ara ġejja l-Mewt għalik
2.       Bla rqad sa tlugħ ix-xemx
3.       Il-Qamar fil-bir




No comments: