Monday, December 9, 2013

Stejjer Impenġija Nru 1




Dan huwa l-video tal-komik Stejjer Impenġija li għadu kif inħareġ b'kolaborazzjoni bejn il-Komiks tas-Sikkina u żewġ artisti oħra, Davida Flores u Audrienne Degiorgio. L-idea tal-pubblikazzjoni hija dik li ddaħħal iktar l-element letterarju fil-komiks. Dan il-proġett beda jkun diskuss fil-bidu ta' din is-sena u taħt it-tikketta ġdida mwaqqfa mill-istess kolaboraturi bl-isem ta' Stejjer Impenġija, ippubblikat l-ewwel komik mis-sensiela. Iż-żewġ stejjer li nsibu f'din il-pubblikazzjoni huma Lejl Imdawwal u Ħolma. Tal-ewwel miktuba mill-Barba Kieli u impenġija minn Davida Flores filwaqt li tat-tieni għandha l-kitba ta' Bin Għisa u t-tpenġija ta' Audrienne Degiorgio. Bin Għisa ħadem ukoll it-tifsiliet grafiċi taż-żewġ stejjer waqt li d-disinn inġenerali tal-komik tħalla f'idejn Audrienne. Davida ddisinjat il-qoxra.

Min hu interessat li jakkwista kopja ta' dan il-komik ġdid għandu jikteb lil komikstassikkina@gmail.com

Sunday, December 1, 2013



Kafè iswed, tè bla ħalib, hot chocolate u kapuċċino hija l-ordni tipika ta’ żewġ awturi u żewġ artisti tal-komiks li fuq mejda f’misraħ ewlieni fil-Belt,  jitħaddtu u jfasslu sensiela ġdida għall-komiks. Din l-ordni tipika tagħhom għandha karatteristiċi u gosti individwali iżda sħiħa x'ħin imqiegħda flimkien fuq mejda waħda. Dawn huma l-Istejjer Impenġija nru. 1 li għadu kif ħareġ għall-bejgħ fil-Comic Con illum.

Hija ħaġa inkoraġġanti li illum qed naraw numru ta’ artisti jingħaqdu biex jipproduċu xi forma jew oħra ta’ komik. Tħajjarna biex nagħmlu xi ħaġa simili. L-iskop kien li nagħmlu komik imma nibtet din l-idea li l-istejjer ikunu jillustraw rakkonti qosra,  xi ftit jew wisq mundani imma b’togħma letterarja. Fi ħsiebna kellna li dan il-komik jappella għall-qarrejja interessati f’suġġetti oħra  u mhux bilfors fl-eroj tipiku assoċjat ma’ dan il-mezz popolari.
Veru li normalment il-komik ma tarahx f’idejn min iħobb jaqra novelli u rumanzi imma dan hu ftuħ ġdid biex jiġbed qarrejja ġodda tal-komiks. M’aħna nagħmlu xejn ġdid li qabel qatt ma sar. Imma x’inhu ġdid taħt il-kappa tax-xemx?

Fix-xena tal-komiks hawn Malta nħossu li dan it-tip ta’ qari hawn loku u li għandu potenzjal li jiftaħ iżjed possibbiltajiet għas-suq ċkejken tagħna. 

Fuq kollox Stejjer Impenġija joffri sensiela ta’ rakkonti divertenti għall-adulti li ukoll inisslu tbissima jew inqanqlu ħsieb. Magħmulin biex jinqraw malajr kullimkien, fuq tal-linja, fil-brejk tax-xogħol jew f’xi kafeterija int u tixrob it-tè, il-hot chocolate jew il-kapuċċino. Imbagħad tkun tista’ dduq dawn l-istejjer u titpaxxa bil-kikkra artistika u bl-aroma letterarja li qed joffrulek.

Nittamaw li jogħġbuk.


Stejjer Impenġija jinsab għall-bejgħ minn fuq il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina, ta' Pilot u ta' Davida Flores, waqt il-Malta Comic Con 30 ta' Nov u l-1el t' Diċ 2013, fil-Kavallier ta' San Ġakbu l-Belt, bejn l-10.00 ta' filgħodu u s-6.00 ta' filgħaxija.





Sunday, November 10, 2013

Il-Festival tal-Komiks - Xalata ta' talent!


L-appuntament annwali tad-dilettanti tal-komiks f'Malta reġa' wasal. Bħal kull sena ċ-Ċentru tal-Kreattività fil-Kavallieri ta' San Ġakbu l-Belt, se jkun imballat bl-attività relatata mad-dinja tal-Komiks. Fit-30 ta' Novembru u l-1el ta' Diċembru se jinfetħu l-bibien għall-pubbliku biex jiġi jara x'għandhom x'joffru l-artisti residenti Malta u l-mistednin minn barra. Xalata ta' talent fejn ukoll se jkunu għall-bejgħ il-komiks u t-tpenġijiet ta' dawn l-artisti. Magħhom ukoll attivitajiet oħra bħal ilbies ta' kostumi ta' karattri favoriti mad-delettanti. Bejgħ ta' komiks u wirjiet, taħditiet, workshops u films. Kollha taħt saqaf wieħed.

Għal aktar tagħrif tista' taqra dan l-artiklu: Meta l-arti u l-fantasija jiltaqgħu... il-Malta Comic Con 2013



Tuesday, January 1, 2013

2013 Is-sena t-tajba lill-qarrejja tal-komiks.


Għaddiet sena oħra u s-Sultana tax-xhur kollha, l-Imlejka, reġgħet ġiet iżżurna fl-ewwel jiem ta' din is-sena, bħas-soltu tistenna li xxomm riħa tfuħ fi djarna biex tħallilna r-risq. Risq tajjeb naturalment, għalina tal-Komiks tas-Sikkina, għax din is-sena qed nistennew li tkun aħjar minn dik li għadha kif għaddiet. Il-Gawgaw u l-Imlejka, strixxiklu nru. 4 għandu jkun lest ma jdumx. Għandna ppjanati stejjer ġodda mhux tas-soltu għalikom miktubin minn Bin Għisa u mpenġijin minn artisti tajbin ħafna magħrufa fix-xena tal-komiks f'Malta. Dwar dan ix-xogħol u l-artisti, niżvelaw iktar dettalji fix-xhur li ġejjin. Hekk ukoll nittamaw li tinħema l-istorja l-ġdida ta' Piju s-Surġent u oħra tal-Kranium. Nittamaw li nsibu opportunitajiet biex aħna tal-Komiks tas-Sikkina niltaqgħu magħkom il-qarrejja u fiż-żgur nagħmlu minn kollox biex inżommu dawk l-appuntamenti importanti ta' matul is-sena, bħall-Comic Con u forsi l-Earth Garden u l-Lejl Imdawwal, fejn l-istrixxikli tagħna jkunu disposti għalikom.

Nawguraw lilkom il-qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina u lil kull min hu delettant tal-komiks, sena mimlija ġid u hena u r-risq li ġġibilna l-Imlejka.


Monday, December 10, 2012

Malta Comic Con 2012




Aħna tal-Komiks tas-Sikkina nirringrazzjaw lil dawk kollha li ġew u sabuna waqt il-Malta Comic Con ta’ din is-sena. Ħadna gost nitkellmu magħhom. Grazzi kbira ukoll tal-appoġġ tagħkom. Din is-sena nammettu kienet sena kajmana għalina tal-Komiks tas-Sikkina speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ produzzjoni tal-istrixxikli tagħna. Xtaqna li jkollna għall-bejgħ il-ħarġa numru 4 tal-Gawgaw u L-Imlejka imma ma laħħaqnihiex. Qed nittamaw li din tkun lesta fix-xhur li ġejjin. Sadanittant waqt dan il-festival tal-komiks irnexxielna nagħmlu xi kuntatti ġodda u qed nippjanaw xi strixxiklu speċjali fil-futur. Iżda dwar dan inħalluh bħala sorpriża għal meta jkun il-waqt biex inħabbru l-ħruġ tiegħu.
Piju s-Surġent mill-ġdid kien fuq il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina bl-ewwel strixxiklu tiegħu wara li sentejn ilu deher għall-ewwel darba f’edizzjoni speċjali li ġiet stampata apposta għall-Comic Con u li fiha kkontribwew artisti differenti. Bosta minnkom il-qarreja avviċinawna u staqsewna għall-iktar stejjer minn tiegħu. Nassigurawkom li fuq dan ukoll għandna xi pjani għaddejjin. Nittamaw li sal-Comic Con li jmiss inkunu żidna mal-kollezzjoni tas- sensiliet tagħna tal-Komiks tas-Sikkina.
Grazzi ukoll għall-organizzaturi tal-Malta Comic Con li ħadmu bla heda biex dan il-festival annwali din is-sena ukoll ikun suċċess. Prosit lil kulħadd. Ħadna gost ninnutaw li kien hemm ukoll żieda fil-komiks li b’dedikazzjoni u sengħa, nħarġu mill-pinna ta’ artisti li jinsabu fil-gżejjer Maltin. Dawn huma xi ftit mill-komiks li sibna għall-bejgħ din is-sena.







Thursday, November 29, 2012

Nitlaq kollox minn idi biex naqrah!



Kummenti tal-qarrejja:

Bin Għisa,
għadni kemm spiċċajt naqra l-ewwel żewġ strixxikli mis-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka. Ħadt gost ħafna naqrahom, għal bosta raġunijiet.

L-ewwel nett għoġobni l-ħolqien tal-karattri u s-sitwazzjonijiet fl-isfond tal-ħrejjef Maltin u tat-tradizzjonijiet orali (almenu hekk deherli li kienu ċerti referenza għal "jgħidu li..."). Fil-fehma tiegħi, kemm bħala qarrej u kemm bħala bniedem li ninteressa ruħi fil-kitba kreattiva, ix-xogħol tiegħek jiftaħ toroq verament ġodda għax jinqeda bit-tradizzjoni b'mod ġdid u konvinċenti. 

U konvinċenti ħafna u sabiħ, għalija, huwa l-lingwaġġ. Filwaqt li f'kuntest differenti jista' jinstema' arkajku, fil-kuntest ta' dawn l-istrixxikli huwa għal konsistenti mal-proġett kollu. Mhux biss jinstema' sabiħ u konvinċenti talli għalija, minkejja (jew forsi minħabba) l-għeruq tiegħu, jinstema' innovattiv ħafna. 

Għoġobni ħafna, m'għandniex xi ngħidu, il-Malti idjomatiku, espressiv, naturali.

U għoġbitni l-produzzjoni kollha kemm hi, anki bin-noti fuq wara (li nħoss pero' li m'għandhomx jieħdu post l-istorja, kif ħassejt ftit li għamlu fit-tieni strixxiklu). Ikolli ngħid li m'għoġbitnix in-nota dwar Friggieri fit-tieni strixxiklu, rajtha żejda ladarba inti kont diġa' għedt minn fejn ħadt il-versi fl-istorja nfisha. U min irid jista' jinduna li bagħbasthom... Fuq il-produzzjoni ngħidlek biss li naħseb li għandek tagħti trimmjatura fuq il-lemin, fejn il-karti joħorġulek 'il barra minkejja li dan se jaffettwalek il-margin fuq ġewwa... hekk jidhrulek ħafna iktar puliti.

Minħabba li għalija dan huwa proġett kreattiv interessanti u innovattiv ħafna, għandi kurżita' kbira nkun naf kif intlaqa' minn nies mhux midħla tal-letteratura jew l-istudju tal-Malti. Għandi fidi li bi ftit sforz ta' marketing u bil-ħruġ ta' aktar strixxikli fis-sensiela, dan ix-xogħol jista' mhux biss jinqara imma jispira lil ħaddieħor, joħloq is-sottokultura tiegħu (forsi anki l-kultura tiegħu). Hemm fejn timraħ: films, tpinġijiet, websajts, karattri oħrajn, interess fil-kultura orali u fil-ħrejjef Maltin, lirika u mużika... Ma naħsibx li qed nara kbir. Naf, trid timxi u ġġib 'il min jimxi... imma dan diġa' qed tagħmlu. Kieku ma wasaltx s'hawn.

Fuq l-istorja nista' ngħidlek biss li nixtieq inkun naf kif se tiżviluppa, 'il fejn se tiġbed. In-nisa donnhom kollha fihom ġisem u mhux wisq iżjed, imma forsi għad jissorprenduni. Mill-bqija l-istorja f'idejk. Żgur li ma tantx nista' ngħinek jew indawlek jien.

Bin Għisa, tlabtni ngħidlek x'naħseb - domt biex weġibt, imma dan m'għandu x'jaqsam xejn max-xogħol mill-isbaħ li qed tagħmlu int u l-barba Kieli. Għandu x'jaqsam biss mal-fatt li dejjem nispiċċa bix-xogħol b'lura. Li nista' ngħidlek hu li meta joħroġ li jmiss (jew ġa ħareġ?) nitlaq kollox minn idi biex naqrah. U mhux qed nitnejjek, ovvjament.

Saħħiet u proset/grazzi mill-ġdid
Adrian

Bin Għisa u l-barba Kieli

Sunday, November 25, 2012

L-avventura li bdiet minn Malta.



Il-karattru Corto Maltese maħluq fis-snin 60 mill-istrixxikolist Hugo Pratt, se jkun is-suġġett ta’ taħdita u espożizzjoni fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bejn it-28 ta’ Novembru u l-24 ta’ Diċembru 2012. It-taħdita se tkun ippreżentata minn Marco Steiner, ġurnalist li jispeċjalizza f’Hugo Pratt u x-xogħlijiet tiegħu. Mill-informazzjoni li ksibna, t-taħdita se ssir fit-28 ta’ Novembru fil-kamra tal-mużika fis-6.00 ta’ filgħaxija bħala inawgurazzjoni għall-wirja bl-isem ta’ “Corto Maltese, the spirit of a journey”.

Corto Maltese, baħħar, vjaġġatur u fittiex tat-teżori, huwa bniedem ta’ ftit kliem, vagabond imma b’qalb  tad-deheb li tħenn għall-batut. Twieled il-Belt Valletta fl-10 ta’ Lulju 1887 minn baħri Brittaniku u żingara minn Andalusija, saħħara u prostituta magħrufa bħala “it-tfajla ta’ Ġibiltà”. Il-personaġġ ta’ Corto jissimbolizza x-xettiċiżmu tal-awtur Hugo Pratt, f’dawk li huma asserazzjonijiet nazzjonali, ideoloġiċi u reliġjużi. L-istejjer li jgħaddi minnhom il-karattru ta’ Corto Maltese mimlijin fantasija iżda għandhom sfond storiku u b’doża poetika inġenerali.  

Din l-attività hija inizjattiva ta’ l-organizzaturi tal-Comic Con u l-Ambaxxata Franċiża f’Malta, b’tentattiv biex ikun introdott dan il-personaġġ f'Malta iżda li għandu kult għalih b’eluf ta’ segwaċi  fil-kontinent Ewropew. F’Malta huma l-ftit li jafu bih u dan forsi minħabba li r-rumanzi grafiċi li kiteb Hugo Pratt mhumiex faċilment disponibbli fil-lingwa Ingliża. Fit-tmenijiet kienu saru numru ta’ traduzzjonijiet iżda jingħad li l-livell tagħhom ma kienx wieħed adegwat. Din is-sena id-dar tal-pubblikazzjoni fl-Amerika, Universe, ippublikat mill-ġdid “The Ballad of the Salt Sea” bħala ri-introduzzjoni tal-personaġġ Corto Maltese fin-dinja anglofona. Jidher li din il-pubblikazzjoni ma ntlaqgħetx tajjeb mal-ammiraturi ta’ Corto Maltese minħabba l-format mibdul minn dak oriġinali ta’ Pratt.  

Fil-Lejl Imdawwal tal-2009 kienet ittellgħet rappreżentazzjoni dwar il-karattru ta’ Corto Maltese bħala introduzzjoni tiegħu mal-pubbliku Malti. Matul l-istess żmien li saret din ir-rappreżentazzjoni, xi ħadd sprejja x-xbieha tal-Corto mal-kantuniera ta’ Triq Melita ma’ Triq id-Dejqa, bħallikieku biex iħalli marka, imqar jekk temporanja, li tfakkar ir-rabta, avolja żgħira, ta’ dan il-personaġġ mal-gżira ta’ Malta. B’kollox hemm madwar erbatax-il pubblikazzjoni fil-forma strixxikolata li oriġinarjament inkitbu bil-Franċiż jew Taljan u li aktar tard inqalbu għal bosta ilsna oħra madwar id-dinja.

Xbieha ta' Corto sprejjata fi Triq Melita, l-Belt Valletta.

             Silta mill-film animat "Ballad of the Salt Sea"

Statwa ta' Corto Maltese fil-belt tal-komiks, Angoulême, Franza.

The Ballad of the Salt Sea - il-volum li ħareġ din is-sena.