Tuesday, November 13, 2012

Kartelluni Kranium/Comic Con



Qatt għaddielek minn rasek li hemm min raqad ma’ waħda u xorrbitlu ruħu? Qatt immaġinajt li tista’ tara l-mejtin jitkellmu? Qatt rajt ħanżira ssuq vann? Dawn u ħafna iktar ħwejjeġ strambi jiġru fir-rakkonti tas-sensiela L-Għid tal-Erwieħ – Kranium (Rock Band), strixxikli li joħorġu l-Komiks tas-Sikkina.

Għall-okkażjoni tal-Comic Con 2012, Dell (Robert Zammit) penġa b’sengħa ta’ artist, poster li juri l-karattri li s’issa ltqagħu magħhom ir-rock band Kranium fl-inkontri tagħhom mad-dinja sopranaturali tas-sħaħar u l-uħux. Fil-Komiks tas-Sikkina s’issa, nsibu tliet strixxikli tal-Kranium li jirrakkontaw it-trasformazzjoni ta’ wieħed mill-membri tal-band minn bniedem normali għal mostru – waħx ikkontrollat minn draga (speċi ta’ saħħara ħażina) mqabbda mis-Serp tas-Seba’ Rjus, f’konfoffa biex jirbħu s-saltna ta’ Ċensa l-Mewt. Il-Kranium idoqqu mużika oriġinali tagħhom imsejħa Demon-Metal, jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn bil-vann stramb tagħhom imsejjaħ ukoll il-Karozza tan-Nar, għaliex jingħad li ħareġ mill-foroġ tax-xjaten-qaddejja tas-Serp.

Segwu l-istorja tal-Kranium fl-istrixxikli tal-Komiks tas-Sikkina li se jkunu għal bejgħ fil-Comic Con ta’ din is-sena fit-8 u d-9 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt. It-tliet strixxikli tal-Kranium huma dawn:
1.       Ara ġejja l-Mewt għalik
2.       Bla rqad sa tlugħ ix-xemx
3.       Il-Qamar fil-bir




Saturday, November 10, 2012

Se taqta’ figura tajba!



Il-Malta Comic Con dalwaqt se tesponi t-talenti Maltin u Barranin fl-ikbar attività li qatt organizzat s’issa. Ħafna huma dawk l-artisti delettanti tal-komiks li bħalissa jinsabu fl-aħħar pinzellati tax-xogħol tagħhom biex juru x’jafu waqt dan l-avveniment uniku f’Malta filwaqt li massa ta’ madwar erba’ u għoxrin artist  barrani se jkunu ukoll preżenti fil-Comic Con bl-artworks, il-kotba u dak kollu li se jġibu magħhom. Il-Comic Con din is-sena żgur se taqta’ figura tajba mal-pubbliku li d-diriġenti tagħha qed jistennew li jkun numeruż ġmielu.


Unika ukoll għal din is-sena hija, li l-Comic Con għall-ewwel darba se tinvadi kull rokna u sala li hemm fil-Kavallier ta’ San Ġakbu biex titrasformah f’festival ibaqbaq bl-elementi kkuluriti, avventurużi u eċitanti rimonmati mad-dinja tal-komiks. Tmiem il-ġimgħa li mhux ta’ min jitilfu!

Il-biljetti qed jgħidulna diġa bdew jinbiegħu. Żuru waħda s-sit hawnhekk biex taraw b’għajnejkom stess x’se joffri dan l-avveniment annwali tal-komiks.



Sunday, October 28, 2012

Muża ħelwa


Ilna nfittxu biex niltaqgħu magħha. Bit-taħbit ta' kuljum, bl-istress ta' fuq ix-xogħol, bil-għaġla tal-ħajja, il-Muża titwarrab u tmur tinħeba f'kamra x'imkien, toħlom u tiffantasizza.
Il-qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina ħerqana jistennew l-aħħar strixxiklu tal-Gawgaw jew tal-Kranium u issa ta' Piju s-Surġent. Fittxuna fil-Comic Con 2012 fil-kavallier ta'  San Ġakbu, il-Belt fit-8 u d-9 ta' Diċembru. Il-Muża għandha mnejn issib lilkom hemm ukoll.



Sunday, November 27, 2011

Il-Malta Comic Con 2011 - għaddiet ukoll.



Bħall-attivitajiet l-oħrajn li kellna din is-sena, l-Earth Garden u l-Lejl Imdawwal (Notte Bianca), il-Malta Comic Con waslet ukoll fi tmiemha illum. Dawn nistghu ngħidu li huma l-uniċi opportunitajiet li jipprovdulna lok fejn niltaqgħu magħkom il-qarrejja u dan nieħdu gost nagħmluh u nistennew bil-ħerqa għad-drabi li jmiss, x'aktarx is-sena d-dieħla. Intom li sirtu tafuna għall-ewwel darba u qed tħufu fis-sit tagħna u f'dan il-blogg, nagħtukom merħba filwaqt li nistednukom tkomplu ssegwuna fil-ġimgħat li ġejjin għal xi ħarġiet ġodda tal-Komiks tas-Sikkina.


Il-festival tal-komik din is-sena kien, fl-opinjoni tagħna, suċċess, mimli b'attivitajiet interessanti u artisti talentati u attendenza sabiħa tal-pubbliku. Nirringrazzjaw lill-organizzaturi, il-Wicked Comics u nifirħulhom għal dan is-suċċess. Ħadna gost naraw pubblikzzjonijiet ġodda minn artisti lokali. Nittamaw li dan ir-rittmu jkompli għaddej fis-snin li ġejjin. Prosit lil kulħadd.



Dawn huma l-pubblikazzjonijiet li rajna u li akkwistajna aħna fl-edizzjoni ta' din is-sena:



For Galantry Issue 0 u #1 ta' Fabio Giangolini



Arcana Crusade 1 - Bernard Micallef




Ħal Mudlam Issue 2 - Joseph Bugeja



Apocalypse Rocked Part 1- Dean Fenech



Pilot -Comic Anthology


Piju s-Surġent - Bin Għisa u Dell (Robert Micallef)

Tuesday, November 22, 2011

Piju s-Surġent fil-Malta Comic Con 2011




Piju s-Surġent huwa wieħed mill-karattri l-ġodda tal-Komiks tas-Sikkina. Maħluq minn Bin Għisa u mpinġi minn Dell (Robert Zammit), dan il-karattru l-ġdid ikompli jintroduċina mal-kwien tas-seħer bħalma huma d-dragi, tas-setta, s-sħaħar, ix-xjafek u l-kitbiebes. Piju s-Surġent huwa aġent speċjali tal-Qamar, u mibgħut mill-Ħares biex ikisser li dawn li jġibu l-kaos u d-diżordni. Għax Piju ma jaħmilx 'l min jagħmel il-ħsara. B'dirgħajh felħana jeħodha mal-bhejjem feroċi u l-uħux li joħorġu fis-satra tal-lejl.


Piju s-Surġent deher għall-ewwel darba s-sena l-oħra fi strixxiklu speċjali tal-Comic Con. Din is-sena se jkompli fejn ħalla l-aħħar darba biex jiġġieled għalina ċ-ċittadini u 'l dawk li mhumiex magħna se jifqagħhom, jgħattanhom u jġibhom fix-xejn.

Piju s-Surġent huwa strixxiklu wieħed waħdu, jiġifieri storja bla rabta ma' xi sensiela oħra. Jinkludi fih l-istorja tas-sena l-oħra u se jkun għall-bejgħ fil-Comic Con ta' din is-sena fil-Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt, fis-26 u s-27 ta' Novembru 2011.



Friday, November 4, 2011

Malta Comic Con 2011




Il-festival annwali tal-komiks f'Malta se jsir fis-26 u s-27 ta' Novembru 2011 fil-kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt. Se jkun hemm ħafna attivitajiet differenti inklużi films, taħdidiet, wirjiet ta' artisti lokali u barranin eċċ. Aħna tal-komiks tas-sikkkina se nkunu hemm bl-aħħar strixxikli tagħna. Tilifux dan l-avveniment tas-sena intom kollha dilettanti tar-rakkont impenġi. Segwu l-aħħar aħbarijiet u żviluppi fis-sit uffiċċjali tal-Malta Comic Con hawnhekk.




Sunday, September 25, 2011

Ħabib fis-suq tal-Lejl Imdawwal





Liam kien qed ipejjep sigarett fuq il-bejt. Kien qed jipprova jfittex lehma għax ried jikteb fuq il-blogg tiegħu l-aħħar silta minn sensiela ta' stejjer straordinarji. Ix-xemx kienet ilha xi sagħtejn li niżlet u ntfiet fil-baħar tal-punent. Kien waħdu. Is-Sibt filgħaxija sulu sulu. Sa ftit ilu kellu lil Nadine tispirah bi fweħitha, bil-benna ta' xoftejha u ... sa... ftit ilu... Imma issa telqet. Ħallietu. Nifs ieħor mis-sigarett. Is-sema dlam u taħtu twieqi bid-dwal baxxi mixgħula wara purtieri mġerrija. Ftit lil hinn, id-djar u l-palazzi tal-Belt, issa nxtgħelu u bozoz u fanali qawwija rmew baħar ta' dawl li bajjad saħansitra s-sħab li kien għaddej fil-baxx.


Dak x'inhu dak id-dawl? Staqsa bejnu u bejn ruħu.


Illum il-Lejl Imdawwal - wieġeb leħen li ma jafx jekk semgħux tassew jew jekk tlissenx ġewwa rasu.


Niżel isfel u ħareġ mid-dar u telaq jimxi fit-toroq u l-imsieraħ. Kien hemm in-nies. Kulħadd miexi 'l hemm u 'l hawn. Xi uħud libsin pulit, ħiemda għaddejjin dritti jħarsu lejn xi fuljett f'idejhom bħal donnhom qed jagħmlu t-talb tas-seba' visti. Oħrajn ipaċpċu fuq l-imwejjed tal-kafejiet. Kien jidher ċar li kien hemm xi avveniment mhux tas-soltu fit-toroq tal-Belt.


Fejn se naqbad immur? - staqsa lilu nnifsu Liam - Forsi nsib xi lehma.


Ħallini nkunlek ta' raħħab u ndawwrek jien - qallu raġel fih mogħl' hawn, wiċċu bajdani, bla xagħar u bi tbissima li tiġbdek.



Int Liam hux veru? - reġa' staqsa r-raġel liebes libsa intiera bajda silġ bil-qmis sewda u ingravata bajda ukoll.


Iva hekk hu - wieġbu Liam. - U int...?


Jien jisimni Jurik... il-Qamar - wieġbu r-raġel bi tbissima waħda.


Il-leħen ta' dan ir-raġel issa beda jxebbhu ma' dak li sema' ftit ilu jew stħajjel li semgħu jidwi f'rasu. U issa kkonferma dan ix-xebh x'ħin dan Jurik "il-Qamar" tenna : Illum il-Lejl Imdawwal u se ndawwrek jien mat-toroq tal-Belt. Għidli x'tixtieq tara.


U Liam qallu: Irrid nisma' ilħna mielsa li jwensuni. Irrid inxomm fwejjaħ li jiftħu l-moħħ. Irrid induq il-ħlewwa tal-mużika ħelliesa... Irrid insib lehma li tnebbahni... li ddawwalni minn ġewwa.


U Jurik "il-Qamar" ħadu f'teatri u fil-pjazez fejn tbaħbaħ fil-għoġba tal-miġemgħa. Ħadu jisma' daqq li jpaxxi l-widnejn u wrieh xbihat li jbirru l-għajnejn. Sqieh xorb li jnessi u li jfakkar. U temgħu ikel li jaħjih.


Imma Liam baqa' ma sabx il-lehma. U minħabba f'dan sewwed qalbu.


Jurik "il-Qamar" ħabat se jaqta' qalbu minn Liam imma mbagħad ftakar f'post wieħed li ma wriehx u qallu: Naf ħabib fis-suq li jista' jgħinek.


U ġibdu għas-suq tal-Belt, lejn mejda żgħira. Kien hemm raġel b'leħja pulita li kien qed ibigħ kotba rqaq bl-istampi. U bejn il-kotba u l-folji tal-istampi feġġet bħal tieqa li minnha bdiet ġejja żiffa ċċafċaf ħelu ħelu ma' wiċċ Liam u ttajjarlu l-beżbużiet ta' xagħru. U sema' leħen sbejjaħ isejjaħlu u ttawwal għal ġot-tieqa u ra dinja oħra. Ra tfajla samranija b'xuxitha ttir mar-riħ, riesqa lejh, tistiednu, tkellmu kliem li jmiss il-qalb. It-tieqa saret bieb u daħal ġewwa u mar mat-tfajla samranija u daq fommha, issaħħan ma' laħamha tari u twaħħad magħha u ħsiebu xegħel.


Jien Liam - stqarrilha.