Friday, January 2, 2015

Is-sena t-tajba.




Għeżież segwaċi ta' dan il-blogg u qarrejja tal-Komiks tas-Sikkina, nixtiqulkom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida,  u r-risq u l-ġid li tista' ġġib magħha. Bħal kull sena, aħna nawguralkom bil-mod fantastiku u mitoloġiku kif aħna mdorrijin nagħmlu fl-ispirtu tal-komiks tagħna. Kif għednielkom drabi oħra biex infakkrukom dwar ix-xbieha tal-Imlejka, li skont Patri Manwel Magri. hija l-ekwivalenti tal-alla qadima feniċja, Għaxtart, fit-tradizzjoni tal-Maltin tal-imgħoddi, kienet tiġi fl-ewwel tas-sena u ddur id-djar u jekk tidħol f'dar fejn hemm l-intiena, hija tħalli warajha l-fell (jiġifieri risq ħażin) imma jekk issib l-indafa u xxomm il-fwieħa tal-fjuri hija tħalli r-risq.

L-imlejka hija waħda mill-karattri fl-istejjer tal-Gawgaw fejn fl-istrixxikli ppubblikati s'issa, qed tkun imfittxa mill-istess Gawgaw. Nittamaw li jsibha ma jdumx kif nittamaw li ssibuha intom ukoll biex tħallilkom ir-risq u l-ġid. Mela naddfu tindifa tajba darkom, ifirxu soddkom u ixtru bukkett fjuri għal fuq il-mejda għas-sena l-ġdida.

Friday, November 21, 2014

Happy Malta Comic Con 2014

Il-Wicked Comics se jippreżentaw id-disa' festival tal-komiks; Malta Comic Con fejn l-artisti, kittieba tal-komiks jiltaqgħu biex jaqsmu l-informazzjoni u jesibixxu t-talent tagħhom. Ma' dawn jingħaqdu ukoll id-delettanti tal-logħob u l-imitaturi tal-karattri f'xalata ta' kostumi, wirjiet, logħob u kompetizzjonijiet matul il-jumejn ta' bejn is-Sibt 29 ta' Novembru u l-Ħadd 30 ta' Novembru fil-Kavallier ta' San Ġakbu, Ċentru għall-Kreattività, il-Belt Valletta.

Bħas-soltu lilna tal-Komiks tas-Sikkina se ssibuna fil-posta modesta tagħna fejn ikollkom iċ-ċans tgħidu kelma magħna u taġġornaw ruħkom mal-komiks tagħna. 

Narawkom.




Friday, November 14, 2014

Il-festival nazzjonali tal-ktieb.

Il-festival nazzjonali tal-ktieb reġa' magħna din is-sena b'varejetà kbira ta' kotba li joħorġu f'pajjiżna. Il-komiks huma rari f'dan il-festival. Madankollu fil-posta ta' SIERRA fis-sala ta' Dar il-Mediterran fejn qed isir dan l-avveniment annwali, għandkom issibu STEJJER IMPENĠIJA  ta' Audrienne Degiorgio u Davida Flores bħala penġejja u Bin Għisa u l-barba Kieli bħala kittieba ta' dan il-komik. Għal dawk li għadhom ma xtrawx kopja - issa hu l-waqt li tiksbuh.



Sunday, November 2, 2014

Malta Comics Expo 2014 f'Dar il-Mediterran mill-31 ta' Ottubru sat-2 ta' Novembru 2014.
Malta Comics qed jipprovdu lok u żvog ieħor fejn id-delettanti tal-komiks jixxalaw f'festival ta' esspożizzjonijiet, bejgħ u opportunitajiet ta' qsim ta' ideat u esperjenzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-komiks, films, gaming u suggetti oħra relatati.
Ħudu pjaċir!


Sunday, February 2, 2014

Stejjer Impenġija fuq il-Paġna Letterarja

L-artikolett kif deher is-Sibt 25 ta' Jannar 2014 fuq il-paġna Letterarja ta' L-Orizzont editjata minn Omar Seguna.

Monday, December 9, 2013

Stejjer Impenġija Nru 1




Dan huwa l-video tal-komik Stejjer Impenġija li għadu kif inħareġ b'kolaborazzjoni bejn il-Komiks tas-Sikkina u żewġ artisti oħra, Davida Flores u Audrienne Degiorgio. L-idea tal-pubblikazzjoni hija dik li ddaħħal iktar l-element letterarju fil-komiks. Dan il-proġett beda jkun diskuss fil-bidu ta' din is-sena u taħt it-tikketta ġdida mwaqqfa mill-istess kolaboraturi bl-isem ta' Stejjer Impenġija, ippubblikat l-ewwel komik mis-sensiela. Iż-żewġ stejjer li nsibu f'din il-pubblikazzjoni huma Lejl Imdawwal u Ħolma. Tal-ewwel miktuba mill-Barba Kieli u impenġija minn Davida Flores filwaqt li tat-tieni għandha l-kitba ta' Bin Għisa u t-tpenġija ta' Audrienne Degiorgio. Bin Għisa ħadem ukoll it-tifsiliet grafiċi taż-żewġ stejjer waqt li d-disinn inġenerali tal-komik tħalla f'idejn Audrienne. Davida ddisinjat il-qoxra.

Min hu interessat li jakkwista kopja ta' dan il-komik ġdid għandu jikteb lil komikstassikkina@gmail.com