Thursday, April 9, 2009

It-tnedija tal-ewwel strixxiklu



Nista’ ngħidilkom li aħna tal-Komiks tas-Sikkina, ninsabu ħerqanin mhux ħażin biex naraw dan ix-xogħol tal-Gawgaw ħiereġ fil-pubbliku għall-ewwel darba. It-tqala kienet twila u ma nistgħux ma nifirħux li sa fl-aħħar l-omm waslet biex tiled.

Għadni niftakar fl-ewwel jiem ta’ xi tliet snin ilu meta l-proġett kien għadu fetu. L-iskizzi ta’ wiċċ il-Gawgaw u l-qagħdiet tiegħu u ta’ diversi karattri oħrajn, kienu suġġetti għad-diskussjoni twila u provi kontinwi sabiex jinstab id-disinn finali. Il-waiters tal-kafeterija fejn niltaqgħu kull ħmistax, drawna sew inqallbu l-karti tat-tpenġija f’idejna u nferrgħu kikkra te wara oħra. Matul dan iż-żmien kollu, l-Gawgaw u xrieku, saru parti minn ħajjitna u 'l quddiem nittamaw li jsiru parti minn tagħkom ukoll.

Qegħdin fl-aħħar ftit jiem ta’ qabel it-tnedija. Is-sensiela IL-GAWGAW U L-IMLEJKA, toħroġ għall-bejgħ bl-ewwel strixxiklu f’pubblikazzjoni modesta ħafna imma attrajenti, pprintjata bl-iswed u abjad, qies A5 u b’44 paġna. Is-sensiela fiha ħames strixxikli li se joħorġu bejn wieħed u ieħor, kull xahrejn. Qed nittamaw li s-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka tilħaq ċerti qarrejja reflessivi u selettivi.

It-tnedija se ssir nhar il-Ħamis 30 ta’ April 2009 fit-8.00 ta’ filgħaxija, fis-sala tal-Malta Contemporary Art (MCA) il-Marsa. Ħajr mill-qalb lil Mark Mangion li pprovdielna l-post u t-tagħmir għall-okkażjoni.

Hemmhekk IL-GAWGAW U L-IMLEJKA (l-ewwel strixxiklu) se jkun għall-bejgħ bil-prezz ta’ żewġ ewro.
Issibu tixtruh mill-ħanut tal-Agenda fl-Università Tal-Qroqq, mingħand l-Agenda tal-Belt, mill-ħanut St. Anne's Emporium ta' Triq Sant'Anna, l-Furjana, mingħand Palmyra ta' Birkirkara jew mill-Malta Comics & Collectibles, 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema.



Wednesday, September 17, 2008

MERĦBA



Il-KOMIKS TAS-SIKKINA għandhom ikunu f’idejk dalwaqt, jaħarqu bħall-pastizzi u friski fl-ideat. Dawn għandhom jinżlu għasel lil dawk li qed ifittxu xi ħaġa ġdida fil-ġeneru tal-fantasija. Il-persunaġġi magħżula fl-istejjer huma misluta mir-rakkonti mistħajla ta' dari iżda b'laqta moderna.

Tliet snin ilu, fuq mejda waqt belgħa kafè, Bin Għisa u l-Barba Kieli, daru għas-suġġett tal-persunaġġi Maltin fl-istejjer mistħajla u l-leġġendi. Minn hemm baqgħu jikkorrispondu u jqallbu l-kotba u bdew jaqilgħu ħemel ta’ karattri u persunaġġi li jbaqbqu bil-fantasija. Hekk twieldet l-idea tal-istrixxikli bil-ġrajja tal-GAWGAW. Minkejja li llum għall-ġenerazzjoni li tielgħa issa, dawn il-persunaġġi huma kważi għal kollox minsijin, il-polz tar-rakkont tagħhom għadu jħabbat bil-ġrajja ta’ din l-art u bħal donnhom iridu joħorġu jtiru mill-qabar li tfajnihom fih.

Min hu L-GAWGAW, L-IMLEJKA, BEDUD, L-ORS TAL-GANDLORA, IT-TORK TAT-TARAĠ, min huma L-GĦEWIEL, L-UĦUX, L-GĦEFIERET, IX-XJAFEK, min hu IBLIS, IL-ĦARES, IL-ĦAJBU, IS-SAĦĦAR FALZUN u ħafna u ħafna oħrajn?

B’libsa moderna u bi stil faqgħa, Bin Għisa u l-Barba jirrakkontaw il-ġrajjiet tal-GAWGAW, raġel li trid seba’ għajnejn biex tħares lejh. Dan il-Gawgaw huwa raġel midbul, jiġifieri fih daħal GĦUL u għalhekk għandu l-poteri li jkellem L-EĦIRSA u jara u jifhem it-taħrik tan-natura u ta’ madwaru. L-elementi tan-natura li huma bħal allat li jmexxu d-dinja, jissieħbu mal-Gawgaw u mal-MIBDULIN kollha bħalu biex igerrxu L-GĦEFIERET u jwassluh sa fejn L-IMLEJKA, mara jew aħjar alla, li tarmi l-ġmiel.

L-avventura tibda f’April li ġej fuq l-ewwel strixxiklu bl-isem ta’ FIL-GARIGORI TA’ MOĦĦI jew JISBAĦ UKOLL MINGĦAJR SERDUK.