Tuesday, June 8, 2010

Ljieli f'Tal-Qali


Muna fil-Palazz ta’ Bedud huwa l-aħħar strixxiklu mis-sensiela tal-Komiks tas-Sikkina. L-istorja tferragħ mir-rakkont tal-ewwel strixxiklu tal-Gawgaw. Lil Muna l-Għaniqa konna ħallejnieha f’idejn it-Tork tat-Taraġ wara li l-Ors tal-Gandlora faqqa’ daqqa ta’ ponn lill-Gawgaw u tefgħu mit-taraġ għal isfel fejn imbela’ f’post jismu BUFIES.

Muna fil-Palazz ta’ Bedud fuq kitba ta’ Bin Għisa u tpinġija tal-Ħaddied, huwa s-sitt strixxiklu u kien qiegħed jinbiegħ għall-ewwel darba f’Earth Garden F’Tal-Qali, is-Sibt u l-Ħadd li għadda. Għalkemm fih m’hemm xejn espliċitu jew oxxen, iddeċidejna li MUNA ma jinbiegħx fil-ħwienet imma mill-idejn jew f’okkażjonijiet bħal din ta’ Earth Garden, li minn żmien għal ieħor tinqala’ xi oħra bħalha u li dwarha ssibu t-tagħrif meħtieġ fuq is-sit-e tagħna jew fuq dan il-blogg. Is-sinjura Ċensura tista’ tmiss lilna wkoll bit-tqasqis tagħha. Irridu naħarbuha kemm nistgħu.

Din id-darba f’Tal-Qali, kellna l-pjaċir li l-mejda tagħna tkun tmiss ma’ tal-Wicked Comics, dawk li jorganizzaw il-Comic Con. Wicked comics ħadu sehem għall-ewwel darba f’din l-attività tal-Earth Garden. Kif xi drabi semmejna ukoll f’dan il-blogg, Wicked Comics jaħdmu biex il-pubbliku Malti jibda’ japprezza iżjed il-medju tal-komik u huwa pjaċir tagħna li naħdmu id f’id ma’ nies li qed jirsistu għal dan il-għan. Wicked comics huwa grupp mimli entużjażmu u ideat u għandu l-potenzjal biex iwettaq il-miri tiegħu. Nawguralu iktar suċċess.

Min-naħa tagħna nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li ltaqgħu magħna f’Tal-Qali u tawna l-appoġġ tagħhom. Kien tassew tmiem il-ġimgħa memorabbli. Grazzi lil tal-Wicked Comics għall-kumpanija dħulija tagħhom u lill-artisti li ttrasformaw l-imwejjed f’attività tbaqbaq bit-talent. Għal darb’oħra! Ma ndumux ma nerġgħu nilaqgħu.


Tuesday, March 30, 2010

Ħamsa ġewwa.


Ix-xbejba tal-Ġmiel (it-3et strixxiklu)

Iż-żmien igerbeb u wasalna biex nagħlqu sena mindu nidejna l-ewwel strixxiklu tal-komiks tas-sikkina. Minn dak iż-żmien 'l hawn ħriġna ħames strixxikli b'kollox u wasalna għas-sitt wieħed. Nammettu li dan mhuwiex xi bidu spettakolari u għalkemm xtaqna nżommu appuntament iktar spiss mal-qarrejja ma rnexxielnix nagħmlu dan b'suċċess. Imma qalbna mhux maqtugħha u għalkemm ir-rittmu tal-ħarġiet huwa kajman, sejrin inkomplu bl-istejjer tagħna. Tentattivi biex insieħbu magħna artisti oħra għadhom qed isiru u min hu midħla tax-xena tal-komiks jaf kemm hija iebsa din il-ħaġa. Imma nafu fiż-żgur li għandna segwaċi devoti u bil-ħerqa u s-sabar jistennew l-istejjer li jmiss.

Dan l-aħħar isseħibna ma' grupp fuq sit interessanti tal-komiks indipendenti fejn fost oħrajn hemm sħabna l-Maltin li ltqajna magħhom fil-Comic Con is-sena l-oħra. Hija opportunità tajba biex mal-barranin nuru li f'Malta għandna ukoll kultura tal-komik li qiegħda dejjem tikber. Ferħanin li l-Gawgaw u l-Komiks tas-sikkina jiffurmaw parti minn din il-kultura. Agħtuh titwila hawn lil dan is-sit: INCOMING.
F'Mejju li ġej bħas-sena l-oħra se nerġgħu nkunu f'Earth Garden Ta' Qali. Nieħdu gost jekk taqbżu qabża s'hemm u tiġu tkellmuna. Hemmhekk se tkunu tistgħu takkwistaw is-sitt ħarġa tal-komiks tas-sikkina MUNA FIL-PALAZZ TA' BEDUD li hi fergħa mill-istorja tal-Gawgaw u l-Imlejka imma "strixxiklu wieħed waħdu" jiġifieri rakkont li jibda u jispiċċa fi strixxiklu wieħed. Dwar dan se ssibu iktar tagħrif fis-sit tagħna u 'l quddiem ukoll fuq dan il-blogg.
F'Ottubru se terġgħu ssibuna fil-Lejl Imdawwal il-Belt u disgħa u disgħin fil-mija se nkunu fl-istess post tas-sena l-oħra. Aktarx li fl-istess post se jkun hemm ukoll kartunisti u fanartisti jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom f'attività organizzata mill-grupp tal-Comic Con Malta. Niżżluha din bħala nota... aktar dettalji nagħtuhomlkom 'l quddiem.

Kummenti tagħkom:
F'dan it-3et strixxiklu hemm nisġa ta` metafori Maltin tassew bil-għaqal. Xerraqtuni bid-daħq xi darbtejn ukoll. Nispera illi li jmiss joħroġ ma jdumx għax ikolli nissokta mil-ġdid kull darba. PROSIT.
arthur taliana
03/12/2010


skizz mill-Gawgaw it-3et strixxiklu

Sunday, February 7, 2010

L-Istorja ma tintemmx hawn...


It-tielet strixxiklu tal-Gawgaw u l-Imlejka mar n-No Bling nhar is-Sibt li għadda. Mal-mużika Hip Hop ħareġ ir-rittmu u r-rima ta’ stampi u versi flimkien. Fid-dawl baxx tal-Buskett Road House xegħlu l-kuntrasti tad-disinn iswed u abjad u l-istrixxiklu rrakkonta ... mhux l-istejjer tal-Luċija mill-bandli....imma l-ġrajja ta’ Bufies...mnejn ma jiġux nies. Il-ħemda tal-Buskett taħt is-seħer tal-Palazz Verdala, tħalltu mad-daqq tan-No Bling...wirja tassew tajba. Hiphopers kullimkien bħall-mibdulin fid-dar tal-kampanja fejn kien żar il-Gawgaw fi strxx.Nru 2. Tfajliet tal-ġmiel... kielu u xorbu....u żifnu. U mir-rokna mwarrba ta’ ħdejn il-bar, il-Gawgaw issokta bil-vjaġġ tiegħu.

Grazzi mill-qalb lil tan-NO BLING tal-opportunità li tawna biex inbiegħu l-istrixxikli tagħna. L-atmosfera kienet tal-ġenn u spettaklu bomba. Hemm iltqajna ma’ qarrejja ġodda li nittamaw li jkomplu jsegwuna.

Sunday, January 17, 2010

Iż-Żmien jagħtina parir jew Aħna l-Qbejjel, bina ħadd ma jitmejjel.

Wara ħafna nżul u tlajja', it-tielet strixxiklu tal-Gawgaw u l-Imlejka jinsab lest u appik ikun għall-bejgħ fil-ħwienet tas-soltu. Araw b'għajnejkom u idħlu f'din l-avventura tal-għaġeb li wasslet lill-eroj tagħna sa Bufies, fejn ħadd qatt ma mar u ġie lura. Hemmhekk jiltaqa' mal-mibdulin, nies kapaċi bħalu, mal-mifhuma, persunaġġi tal-fenominu u mal-qbejjel, razez li mhumiex bnedmin. Miegħu għixu l-mumenti mwiegħra fil-għawġ li jidħol fih biex minnu, bħal ma jagħmel dejjem, joħroġ rebbieħ.

Nafu li ħafna minnkom saqsew għat-tielet strixxiklu u stennejtuh bil-ħerqa. Nittamaw li l-istennija tagħkom se tissarraf f'sodisfazzjon hekk kif issegwu t-tielet parti ta' din l-ġrajja epika u poetika.


Friday, January 1, 2010

Is-sena t-tajba.


L-Imlejka xxomm il-fjuri fl-ewwel tas-sena.


Misluta mill-kitba tal-ewwel strixxiklu Il-Gawgaw u L-Imlejka :

L-IMLEJKA hija s-sultana tax-xhur kollha tas-sena. F’nofs il-lejl tal-aħħar tas-sena toħroġ fit-toroq u ddur id-djar kollha. F’dar fejn issib riħa tfuħ ta’ ħafna ward u fjuri tħalli r-risq u l-barka, imma fejn issib riħa ta’ għeluq u għaraq iġġib il-fell jiġifieri risq ħażin - imma r-risq suppost li qatt ma hu ħażin; dejjem tajjeb.

L-Imlejka tidher bħala tfajla fiha ġisem li tkun liebsa seba’ msaxet (plural ta’ mustaxija, li jkun drapp irqiq u trasparenti), u xejn minn taħt. F’kull raħal li tgħaddi, jew malli taqbeż il-konfini ta’ Kunsill Lokali u tidħol f’ta’ ieħor, tħalli mustaxija milli tkun liebsa mal-ħabbata tal-bieb tas-Sindku. Jiġifieri ma ddumx ma tispiċċa b’xejn, b’id waħda wara u l-oħra quddiem. Peress li fiha ġisem, l-Imlejka hi ftit duttura u ma torqodx ma' kulħadd. Mela jekk xi darba f’nofsillejl tal-aħħar tas-sena jfettillek tqum mis-sodda għal xi raġuni jew oħra u tara mara għarwiena xxomm il-fjuri li ommok tkun ħalliet fil-vażun fis-salott, aħsibha għal darba darbtejn x’se tagħmel b’idejk. L-aħjar li tinġibed lura, tigdem ilsienek, u terġa’ tmur torqod.
Il-ħbieb tal-Imlejka huma x-Xemx, il-Qamar, il-Kwiekeb, l-Irjieħ, is-Siġar, il-Widien, l-Għoljiet, l-Irdumijiet, l-Istaġuni u x-Xhur kollha tas-sena.



skizz : xbiha tal-Imlejka

Wednesday, December 23, 2009

SĦAĦAR U EĦIRSA MALTIN


Din li ġejja slitnieha mis-sit e tal-Komiks tas-Sikkina

Malta aktarx li hi l-uniku pajjiz fid-dinja li l-kultura tiegħu ma tinkludix persunaġġi tal-fantasija li huma magħrufa u aċċettati bil-ferħa jew bil-biza' fil-fantasija kollettiva tal-poplu. ĠAĦAN hu xi ftit magħruf fostna imma, minkejja kollox, spiċċa karattru daqsxejn taz-zufjett u m'għandux il-ħakma fuq moħħ in-nies li għandhom karattri ta' ġnus oħra. Il-ĦARES ukoll spiċċa jagħmel parti mid-dinja tan-nanna Gerit u illum ftit hawn min għadu jagħti kasu. Ħaddieħor għandu l-fairies, u l-pixies, u lil Superman, u lil Batman, u lil Father Christmas, u lil La Befana, u lil Pinokkjo, u l-Drakula, u l-Frankenstein, u aħna kuntenti nilludu ruħna li dawn il-karattri huma tagħna wkoll, meta fil-fatt m'humiex. Kuntenti nbossu b'sorm ħaddieħor u lil tagħna nagħtuh bis-sieq. Għax moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti, karattri tal-fantasija HEMM - imma ma rridux nafu bihom. Il-Ħares hi kelma li tfisser "gwardjan/għassies" - xi ħadd li qed iħares x'imkien jew xi ħaġa (mhux veru li ġejja mill-kelma Latina Lares, imma minn għerq ta' verb Malti, bħal meta ngħidu "Alla jħarisna" jew "Alla ħares"). Mela l-Ħares hu għassies u hu differenti minn Ruħ jew Fatat; u l-istejjer tal-ħares li nafu bihom juruk li hu persunaġġ differenti minn ruħ jew fatat. Ix-XJAFEK insemmuhom mingħajr ma jgħaddilna minn rasna x'jistgħu jkunu. L-kelma "GĦAFRIT", dari komuni ħafna, llum qed tintnesa. L-GĦUL diġa ntnesa, imma dari kien magħruf ħafna, kemm hu u kemm in-Nanna Għula. Tgħid jirnexxielna naħtfu lil dawn il-karattri minn xifer l-abbiss tal-estinsjoni? Kull bidu hu iebes. Jgħidu li qabel ma l-aħwa Grimm qabdu l-ħrejjef li kienu jafu, u daruhom tidwira sewwa, il-ħrejjef u l-karattri tagħhom kienu ħorox, u jinbuttawk, u xi ftit ħamalli. Illum saru industrija internazzjonali.






Monday, November 2, 2009

Comic Con Malta...suċċess!




Fl-opinjoni tagħna u ta' ħafna oħrajn il-Comic Con kienet suċċess, kemm mil-lat ta' organizzazzjoni kif ukoll mill-aspett intrakulturali tad-delettanti tal-komiks f'Malta. In-nies ikkonkorriet sewwa, iktar milli mistenni meta tqis in-nuqqas ta' interess tal-pubbliku lejn dan il-medju.
Dawra mal-imwejjed fis-swali ta' San Ġakbu, (aqta' barra dawk tal-artisti mustaċċuni barranin) kienet biżżejjed biex wieħed jinnota t-talent ta' bosta artisti lokali żgħazagħ. Il-Manga hi popolarissma u ħafna mill-esebituri ħadmu fuq dan l-istil ta' tpinġija Ġappuniża. Innutajna li xi wħud minnhom ukoll pinġew l-istrixxiklu tagħhom u kienu għadhom fil-proċess tat-tifsil jew tad-disinn finali. Prosit lil dawk kollha li rnexxhielhom jaslu s'hawn. Aħna nafu li t-triq biex tippubblika xogħol ta' dan it-tip hija waħda twila. Nawgurawlhom li jkomplu mixjin 'l quddiem u jegħlbu l-kurrenti negattivi li jsibu ma' wiċċhom. Jekk iżommu quddiem għajnejhom lill-eroj tal-komiks tagħhom, għandhom mnejn jirbħu l-battalja.

Ħadna gost naraw għaqdiet li fihom jissieħbu l-artisti biex iwettqu xi ħaġa flimkien jew biex juru x-xogħol tagħhom. Dawn huma inizjattivi tajbin li jagħtu żvog kulturali u artistiku fost il-ġenerazzjoni l-ġdida imxerrda "mat-tmint irjieħ" ta' pajjiżna. L-organizzaturi jixirqilhom il-prosit għal din il-konvenzjoni tal-komik li tat l-opportunità biex l-artisti jsiru jafu lil xulxin u tat ukoll il-possibiltà lill-pubbliku biex isir jaf iktar dwar il-komiks u l-utilità tagħhom fis-soċjetà moderna tagħna tal-lum. Għalina il-Comic Con swiet ħafna f'dan ir-rigward. Min-naħa tal-Komiks tas-Sikkina se nkomplu nagħtu l-kontribut tagħna anki jekk f'moħħna għandna li nibqgħu xi ftit klandestini.