Aħna
tal-Komiks tas-Sikkina nirringrazzjaw lil dawk kollha li ġew u sabuna waqt
il-Malta Comic Con ta’ din is-sena. Ħadna gost nitkellmu magħhom. Grazzi kbira
ukoll tal-appoġġ tagħkom. Din is-sena nammettu kienet sena kajmana għalina
tal-Komiks tas-Sikkina speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ produzzjoni
tal-istrixxikli tagħna. Xtaqna li jkollna għall-bejgħ il-ħarġa numru 4
tal-Gawgaw u L-Imlejka imma ma laħħaqnihiex. Qed nittamaw li din tkun lesta
fix-xhur li ġejjin. Sadanittant waqt dan il-festival tal-komiks irnexxielna
nagħmlu xi kuntatti ġodda u qed nippjanaw xi strixxiklu speċjali fil-futur.
Iżda dwar dan inħalluh bħala sorpriża għal meta jkun il-waqt biex inħabbru
l-ħruġ tiegħu.
Piju
s-Surġent mill-ġdid kien fuq il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina bl-ewwel
strixxiklu tiegħu wara li sentejn ilu deher għall-ewwel darba f’edizzjoni
speċjali li ġiet stampata apposta għall-Comic Con u li fiha kkontribwew artisti
differenti. Bosta minnkom il-qarreja avviċinawna u staqsewna għall-iktar
stejjer minn tiegħu. Nassigurawkom li fuq dan ukoll għandna xi pjani
għaddejjin. Nittamaw li sal-Comic Con li jmiss inkunu żidna mal-kollezzjoni tas-
sensiliet tagħna tal-Komiks tas-Sikkina.
Grazzi
ukoll għall-organizzaturi tal-Malta Comic Con li ħadmu bla heda biex dan
il-festival annwali din is-sena ukoll ikun suċċess. Prosit lil kulħadd. Ħadna
gost ninnutaw li kien hemm ukoll żieda fil-komiks li b’dedikazzjoni u sengħa, nħarġu
mill-pinna ta’ artisti li jinsabu fil-gżejjer Maltin. Dawn huma xi
ftit mill-komiks li sibna għall-bejgħ din is-sena.