Monday, December 10, 2012

Malta Comic Con 2012




Aħna tal-Komiks tas-Sikkina nirringrazzjaw lil dawk kollha li ġew u sabuna waqt il-Malta Comic Con ta’ din is-sena. Ħadna gost nitkellmu magħhom. Grazzi kbira ukoll tal-appoġġ tagħkom. Din is-sena nammettu kienet sena kajmana għalina tal-Komiks tas-Sikkina speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ produzzjoni tal-istrixxikli tagħna. Xtaqna li jkollna għall-bejgħ il-ħarġa numru 4 tal-Gawgaw u L-Imlejka imma ma laħħaqnihiex. Qed nittamaw li din tkun lesta fix-xhur li ġejjin. Sadanittant waqt dan il-festival tal-komiks irnexxielna nagħmlu xi kuntatti ġodda u qed nippjanaw xi strixxiklu speċjali fil-futur. Iżda dwar dan inħalluh bħala sorpriża għal meta jkun il-waqt biex inħabbru l-ħruġ tiegħu.
Piju s-Surġent mill-ġdid kien fuq il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina bl-ewwel strixxiklu tiegħu wara li sentejn ilu deher għall-ewwel darba f’edizzjoni speċjali li ġiet stampata apposta għall-Comic Con u li fiha kkontribwew artisti differenti. Bosta minnkom il-qarreja avviċinawna u staqsewna għall-iktar stejjer minn tiegħu. Nassigurawkom li fuq dan ukoll għandna xi pjani għaddejjin. Nittamaw li sal-Comic Con li jmiss inkunu żidna mal-kollezzjoni tas- sensiliet tagħna tal-Komiks tas-Sikkina.
Grazzi ukoll għall-organizzaturi tal-Malta Comic Con li ħadmu bla heda biex dan il-festival annwali din is-sena ukoll ikun suċċess. Prosit lil kulħadd. Ħadna gost ninnutaw li kien hemm ukoll żieda fil-komiks li b’dedikazzjoni u sengħa, nħarġu mill-pinna ta’ artisti li jinsabu fil-gżejjer Maltin. Dawn huma xi ftit mill-komiks li sibna għall-bejgħ din is-sena.







No comments: