It-Tnejn, 2 ta’ Novembru 2009

Comic Con Malta...suċċess!




Fl-opinjoni tagħna u ta' ħafna oħrajn il-Comic Con kienet suċċess, kemm mil-lat ta' organizzazzjoni kif ukoll mill-aspett intrakulturali tad-delettanti tal-komiks f'Malta. In-nies ikkonkorriet sewwa, iktar milli mistenni meta tqis in-nuqqas ta' interess tal-pubbliku lejn dan il-medju.
Dawra mal-imwejjed fis-swali ta' San Ġakbu, (aqta' barra dawk tal-artisti mustaċċuni barranin) kienet biżżejjed biex wieħed jinnota t-talent ta' bosta artisti lokali żgħazagħ. Il-Manga hi popolarissma u ħafna mill-esebituri ħadmu fuq dan l-istil ta' tpinġija Ġappuniża. Innutajna li xi wħud minnhom ukoll pinġew l-istrixxiklu tagħhom u kienu għadhom fil-proċess tat-tifsil jew tad-disinn finali. Prosit lil dawk kollha li rnexxhielhom jaslu s'hawn. Aħna nafu li t-triq biex tippubblika xogħol ta' dan it-tip hija waħda twila. Nawgurawlhom li jkomplu mixjin 'l quddiem u jegħlbu l-kurrenti negattivi li jsibu ma' wiċċhom. Jekk iżommu quddiem għajnejhom lill-eroj tal-komiks tagħhom, għandhom mnejn jirbħu l-battalja.

Ħadna gost naraw għaqdiet li fihom jissieħbu l-artisti biex iwettqu xi ħaġa flimkien jew biex juru x-xogħol tagħhom. Dawn huma inizjattivi tajbin li jagħtu żvog kulturali u artistiku fost il-ġenerazzjoni l-ġdida imxerrda "mat-tmint irjieħ" ta' pajjiżna. L-organizzaturi jixirqilhom il-prosit għal din il-konvenzjoni tal-komik li tat l-opportunità biex l-artisti jsiru jafu lil xulxin u tat ukoll il-possibiltà lill-pubbliku biex isir jaf iktar dwar il-komiks u l-utilità tagħhom fis-soċjetà moderna tagħna tal-lum. Għalina il-Comic Con swiet ħafna f'dan ir-rigward. Min-naħa tal-Komiks tas-Sikkina se nkomplu nagħtu l-kontribut tagħna anki jekk f'moħħna għandna li nibqgħu xi ftit klandestini.


It-Tnejn, 26 ta’ Ottubru 2009

Iktar dwar il-Comic Con Malta


Rubrika ta' Stefan Cachia fuq fuq il-gazzetta ta' kull nhar ta' Sibt Il-Ġensillum. Hawn ukoll l-artiklu fuq l-internet:
Stefan Cachia tkellem ma’ Chris Galea dwar il-komiks f’Malta u din il-konferenza:
"X’inhi Wicked Comics?

Wicked Comics hi għaqda li taħdem b’mod volontarju bil-għan li tippromwovi l-kultura tal-komiks u affarjiet relatati magħha bħal films u logħol tal-vidjow f’pajjiżna u barra minn Malta. Hi għaqda żgħira mmexxija minn tijm ta’ sitt persuni, waqt li bosta persuni oħrajn, fosthom ħafna artisti lokali, huma involuti fl-organizzazzjoni tal-Wicked Comics.

Wicked Comics twaqqfet fl-2005 bl-iskop li tgħaqqad bosta artisti lokali u tipprovdi l-infrastruttura neċessarja biex ix-xena tal-komiks f’Malta tinbet u tissaħħaħ. L-ewwel attività tagħha kienet il-Big Bang, konvenzjoni fuq skala żgħira mtella’ fuq inzjattiva ta’ Chris Gatt, Direttur ta’ St James Cavalier). Minn din il-konvenzjoni ħarget Wicked Comics.
"

"Taħseb li jeżisti suq għall-komiks lokali f’Malta?
Għalkemm Malta hi gżira żgħira, aħna ċerti li hawn suq għal komiks lokali f’pajjiżna. Fil-fatt, l-għaqda tal-Komiks tas-Sikkina diġà qed jippubblikaw xi komiks bil-Malti u jidher li dawn qed jintlaqgħu tajjeb mal-pubbliku lokali.
Il-membri tal-Wicked Comics jemmnu li ġaladarba l-livell tal-komiks ikun għoli, is-suq jirrispondi b’mod pożittiv. Madankollu nemmnu u nittamaw li l-artisti lokali jagħmlu xogħol li jiġi apprezzat mhux biss f’pajjiżna iżda mad-dinja kollha."



Ikklikkja fuq l-istampa biex tkabbar.

It-Tlieta, 20 ta’ Ottubru 2009

Malta Comic Con 2



Il-Comic Con fuq l-għatba u qed tħabbat il-bieb. Ġimgħa u nofs oħra nkunu hemm bl-istrixxikli tagħna u nittamaw li jkun hemm konkorrenza tajba fis-swali tal-Kavallier. It-tielet "Gawgaw" se jkun hemm ukoll nisperaw, għalkemm din l-aħbar għadha mhix ikkonfermata imma kulħadd fuq ix-xwiek biex jara mil-liema għawġ se jgħaddi l-Gawgaw fit-tielet strixxiklu u fejn ix-xjafek se jsib lil xbintu l-Imlejka. Nistennew u naraw.

Fost il-pubbliċità li għaddejha bħalissa għall-Konvenzjoni tal-Komik inkitbet rubrika fis-Sunday Circle minn Michael Vella. Nieħdu gost naraw dan l-interess u nittamaw li dan ikompli jikber. Id-diriġenti tal-comic con Malta qed jissodisfaw bosta dilettanti tal-komiks bl-attivitajiet li se jkun hemm u nispera li dan kollu jattira ukoll nies ġodda lejn dan il-medju affaxxinanti.

Ir-rubrika Circle ta' Michael Vella




Il-Ġimgħa, 2 ta’ Ottubru 2009

Lejl Imdawwal


Għandna xi attivitajiet importanti ġejjin u bħal ma nagħmlu s-soltu nagħrfukom xi ħaġa dwarhom. Il-konvenzjoni tal-komik (Comic Con Malta) diġà semmejnieha u se nkomplu naġġornawkom fuq xi żviluppi li jkun hemm . Bħalissa issibuna fl"Artists' Alley" fuq l-istess sit.

Se nkunu preżenti f'attività oħra s-Sibt li ġej fit-Teatru tal-Università l-qadima (MITP) ta' Triq San Kristofru l-Belt, fl-okkażjoni tal-LEJL IMDAWWAL. Fit-teatru se jkun hemm rappreżentazzjonijiet tad-dramm "Cultivating Insanity" ta' Sean Briffa u xi wirjiet viżivi oħra. Id-dramm hu ta' xi għoxrin minuta u jibdew bl-ewwel rapp fid-disgħa ta' filgħaxija u jirrepetu kull siegħa. L-aħħar waħda tkun f'nofsillejl. Dħul b'xejn. Lilna ssibuna hemm ukoll bl-istrixxikli tal-Gawgaw u l-Imlejka u l-Kranium. Nieħdu gost niltaqgħu magħkom. Għal min għadu ma akkwistax l-aħħar strixxikli, issa ċ-ċans! Għal dawk il-qarrejja ġodda li jridu jiksbu l-erba' ħarġiet f'daqqa, nirranġawlhom xi skont ukoll.

Attività interessanti li mhux ta' min jitlifha fil-Lejl Imdawwal u li għandha x'taqsam mal-istrixxikli Taljani u Franċiżi hija r-rappreżentazzjoni teatrali ta' Pino Scicluna tal-karattru Corto Maltese. Probabbilment, din se tkun l-ewwel darba li l-Corto Maltese se jkun ippreżentat quddiem pubbliku Malti. Dan il-karattru li ħoloq Hugo Pratt fl-1967 li twieled Malta fil-Belt Valletta fl-1887 (għalhekk hu mlaqqam Corto Maltese) huwa vjaġġatur u avventurier li jdur id-dinja filwaqt li jsib ruħu involut fi stejjer kumplessi fi sfond politiku u fantastiku. Din ir-rapp se ssir f'Misraħ l-Indipendenza il-Belt fis-7.45, fid-9.30, fil-11.00 u fis-1.00 ta' bilejl. Ta' min jittawlilha.

Info Gazzetti:
Artiklu kritiku ta' Michael Vella dwar l-ewwel strixxiklu ta' Il-Gawgaw u L-ImLejka deher fuq The Times 12 ta' Settembru 2009.

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Settembru 2009

Għandna nkomplu!


Waħda mill-affarijiet sbieħ meta tkun involut fi proġett bħall-Komiks tas-Sikkina hu li tibda tiltaqa’ ma nies interessati f’dak li tkun qed tagħmel. Issib min jinkoraġġik biex tkompli u ssib min juri xettiċiżmu jew indifferenza. Nafuha, li f’Malta nsibu ħafna li ma jaqrawx komiks u għalhekk l-appoġġ morali jiġi minn ċirku żgħir ta’ nies li jew ikunu midħla ta’ dan il-medju nkella minn oħrajn li jinteressahom iċ-ċaqliq kulturali, żgħir kemm ikun żgħir.

Imma aħna tal-KtS għandna qalbna qawwija li se nirnexxu. Nammettu li minbarra l-gost tagħna biex nipproduċu l-istrixxikli tal-Gawgaw u l-bqija, hemm ukoll ix-xewqa li x-xogħol tagħna jkun rikonoxxut minn udjenza alternattiva. Ma nistgħux ingorru mir-rispons li ħadna s’issa, għal kuntrarju, ninsabu f’punt fejn qed nagħrfu li hawn għatx kbir għal ideat bħal dawn u dan lilna jimlina bil-kuraġġ biex inkomplu. Smajna ukoll dan l-aħħar bi xniegħa li f'Malta nxtraw kopji tal-Gawgaw iżjed mill-comics ta' Superman. Possibbli? Jalla l-ġid! Li hu żgur li m’aħniex se noħorġu komiks daqs kemm joħorġu tiegħu mid-DC.

Il-proċess biex inlestu dawn il-Komiks tas-Sikkina huwa wieħed li jieħu ż-żmien tiegħu. Hija battalja qalila mal-ħin, akrobazija perikoluża bejn id-dmirijiet personali, qadi ta’ kuljum, xogħol u rikreazzjoni, biex x’imkien bejn dawn il-manuvri, tissawwar l-idea tagħna fuq karta u tippubblika ruħha fi strixxiklu. Nifhmu li dan ukoll hu apprezzat minn min isegwina imma finalment l-akbar apprezzament tagħkom ikun meta wara dawn il-manuvri kollha moħbija, jasal f’idejkom l-aħħar strixxiklu biex idaħħalkom fid-dinja bla tarf tar-rakkonti tagħna.


Il-Barba Kieli fuq it-tielet strixxiklu tal-Gawgaw u L-Imlejka.

Il-Ħamis, 27 ta’ Awwissu 2009

Comic Con Malta



Xi tliet snin ilu kienet saret għall-ewwel darba f'Malta, dik li sejħulha l-"Big Bang" comic convention fil-Kavallier ta' San Ġakbu organizzata minn "Something Wicked". Kien tentattiv utli ħafna għax laqqa' flimkien id-delittanti tal-komiks f'Malta u espona l-artisti li huma interessati f'dan il-medju. F'dawk it-tliet ijiem saru attivitajiet diversi bħal taħditiet, wiri ta' films u wirjiet artistiċi, workshops, u attività kummerċjali permezz ta' ħwienet ibigħu il-komiks u l-mechandise. Kollox ma' kollox kienet esperjenza tal-o u kienet opportunità tad-deheb għall-artisti biex isiru jafu lil xulxin. Minnha kellha titwieled pubblikazzjoni li l-ewwel kellha tkun e imbagħad stampata iktar 'il quddiem. Grupp ta' artisti bdew jaħdmu fuq din il-pubblikazzjoni fil-forma ta' komik imma l-miri sfortunatament ma ntlaħqux. Storja li tiġri ta' spiss.

Imma issa s-"Something Wicked" se jerġgħu jfaqqgħulna comic con oħra ikbar u aqwa minn tal-aħħar darba. Aħna tal-komiks tas-Sikkina, ilna nistennew dan l-avveniment biex nipparteċipaw fih, sa minn meta bdejna naħdmu fuq il-Gawgaw u l-sħabu. F'laqgħa li saret din il-ġimgħa kellna l-opportunità li nitkellmu mal-organizzaturi biex ikollna mejda f'din il-konvenzjoni u nesponi l-istrixxikli tagħna hemmhekk. Se jkun pjaċir tagħna li nieħdu sehem f'dan l-avveniment li aħna inħossu li hu ta' ħtieġa biex "ir-rakkont impenġi" jsir parti mill-kultura tagħna l-Maltin. Nittamaw li l-istrixxikli tagħna ma jkunux l-uniċi pubblikazzjonijiet lokali hemmhekk u li l-interess għax-xogħol artistiku lokali jikber permezz ta' din il-Comic Con f'Malta. Kif ikollna iktar dettalji dwarha, nagħtuhomlkom fuq dan il-blogg u nillinkjawkom mas-sorsi uffiċċjali.


Il-Ħamis, 6 ta’ Awwissu 2009

Magħmudija tan-nar.


Nuruh il-qrun.

Kif qed taraw is-sit reġa' lura għan-normal. Hija inzertatura kattiva li kull darba li nagħmlu kuntatti ma' qarrejja potenzjalment ġodda, jinqala' xi żikk fil-websajt. Jista' jagħti l-każ li xi ħadd għamlilna xi magħmul għax għandu xi lanżita għalina. Jekk inhu hekk, aħna nuruh il-qrun biex inbiegħdu minna din is-saħta ta' Bedud. Imma insomma...ngħodduha mal-oħrajn.

Il-kliem bħaċ-ċirasa u la qed nitkellmu fuq il-magħmul tajjeb li ngħidu xi ħaġa fuq il-Kranium. Minħabba t-taħbit li taf tagħti l-ħajja, qajla sibt il-ħin biex insemmihom sewwa fuq dan il-blogg. Kif tafu minbarra s-sensiela tal-Gawgaw u L-Imlejka, il-Komiks tas-Sikkina ħarġu sensiela oħra bl-isem ta' L-Għid tal-Erwieħ bl-ewwel żewġ strixxikli ddedikati għall-Kranium. Deskrizzjoni tal-Kranium issibu kemm tridu fuq is-sit elettroniku tagħna, kif ukoll fuq l-ewwel ħarġa tal-Għid tal-Erwieħ permezz tal-magażin fittizju ŻENG li hemm fl-aħħar paġni. Għalhekk mhux lok li noqgħod indawwar l-istess diska li diġa smajtu.

Li rrid ngħid fuq Kranium hu rakkont żgħir ta' kif nibtet l-idea ta' dan il-grupp fuq il-komiks. Fil-bidu meta Bin Għisa u l-barba Kieli kienu qed isawwru l-ewwel paġni tal-Gawgaw, tfaċċa l-ħaddied itajjar in-nar minn idejh bil-lapes u l-pitazz iħożż skizz wara ieħor ta' kull rokna fil-Belt u mitt ħaġa u nofs. Bħal ma naraw fil-komiks, dak il-ħin xegħlet bozza minn dawk tal-ideat fuq ras Bin Għisa u l-barba u minn hawn u minn hemm webbluh biex jibda jpenġi magħhom. Għall-ewwel beda jpenġi t-tielet strixxiklu tal-Gawgaw u f'ġimgħa biss, ħalliehom b'ħalqhom miftuħ meta kien diġa lesta kważi l-paġni kollha. Din il-bravura feġġet bħal oażi f'nofs deżert, in vista li x-xogħol tal-barba Kieli, dejjem donnu ġej min-naħa l-oħra tad-dinja, daqs kemm hu għajjien u kajman. Iżda Bin Għisa ra li l-istil different tal-ħaddied seta' jtellef mill-kontinwazzjoni tar-rakkont tas-sensiela u qatagħha li jkompli jistenna u jitherra sakemm il-barba Kieli forsi xi darba jlesti s-sensiela kollha hu.

Hawnhekk Bin Għisa staqsa l-Barba jekk kellux xi storja oħra għall-ħaddied u dak ħareġ waħda minn xi pitazz li kienet diġa bdiet tieklu l-kamla. Bi ftit irtokki minn hawn u xi tibdiliet 'l hemm, isawwar il-grupp Kranium u l-ġrajjiet tal-erwieħ eċċ. Il-ħaddied daħal għal dan il-proġett b'entużjażmu ġdid għax hu wkoll kien daq xi ftit minn dik il-ħajja xellerata u mħawda li kultant jgħixu l-gruppi Maltin. L-istejjer tal-fatati huma wkoll parti mill-memorja tat-tfulija u Kranium daħal fil-forġa tal-fantasija u ħareġ iffurmat fuq l-inkwina tal-ħaddied kif qed tarawh f'idejkom illum.


paġna minn Kranium 2