Saturday, May 25, 2019

BUFIES

Għafrita - L-għefieret kaxkru 'l kuħadd minn Bufies. 

L-esperjenza tal-pubblikazzjoni tal-istrixxikli fuq il-paġna ta' facebook, għalkemm għadha waħda bikrija, nistgħu ngħidu li qiegħda dejjem iżżid l-imseħbin b'rittmu aċċettabli għalina. Il-lista ta' ħbieb li jagħżlu biex isegwu l-materjal tagħna hija dik mixtieqa minna, kemm mil-lat ta' persuni midħla tal-komiks u kemm ukoll dawk li huma interessati fil-kultura Maltija. Nawguraw li dan ikompli u fl-istess ħin inħeġġu lis-segwaċi tal-komiks tas-sikkina sabiex iwasslulna l-fehma tagħhom fuq dak li jaraw u jaqraw.

Għadna kif tellajna fuq facebook it-tieni strixxklu tal-Gawgaw u l-Imlejka u li jissokta bil-ġiri u t-taħbit tal-istess Gawgaw li kien u għadu qed ifittex lill-Imlejka. Wara li waqa' mit-taraġ tal-Palazz ta' Bedud, il-Gawgaw isib ruħu f'Bufies.

Bufies huwa post mistħajjel li nsibuh fir-rakkonti qodma tal-Maltin irreġistrati mill-folklorista Patri Manwel Magri fil-bidu tas-seklu għoxrin. "Minn Bufies, ma jiġux nies" -  jingħad fir-rakkonti ta' missirijietna sabiex jiddeskrivi mhux biss il-periklu għal min imur hemm imma wkoll li fih wieħed isib l-ilma tal-ħajja - ilma potenti li jġib il-fejqan.

Bufies għalhekk huwa l-post mixtieq, il-post li fih wieħed jista' jsib l-immortalità.

Fl-istorja ta' Bin Għisa, Bufies hu imkien għaxqi mdawwar bil-ġmiel tan-natura u mgħasses mill-elementi universali bħax-xemx u l-qamar u l-kwiekeb u li darba fih kienu joqogħdu n-nies imma marru x-xjafek u l-għefieret u kaxxru lil kulħadd lejn post ieħor imsejjaħ Buġibda li minn hemm ħadd ma joħroġ lanqas - u dawn in-nies li kienu joqogħdu Bufies, darba kellhom id-dehen u l-ħlewwa tal-kelma u l-lehma f'ruħhom imma x-xjaten ġew u battlulhom rashom, qalbhom u ruħhom u neħħewhom minn hemm darba għal dejjem. Baqa' biss l-iħirsa jgħassu d-djar, l-għewiel fix-xagħri u l-għasfur li jgħanni. Bufies għalhekk ifakkar fi żmien isbaħ u ideali.

Segwu dan it-tieni rakkont tal-Gawgaw huwa u jirħiela lejn destinazzjonijiet differenti ma' sieħbu l-Ħajbu li jservi ta' gwida għalih. Issibu l-istrixxiklu sħiħ u kollu kemm hu bl-isem : BUFIES - HAWNHEKK MA JIĠUX NIES fuq facebook

Il-Gawgaw f'Bufies.

No comments: