Il-karattru Corto
Maltese maħluq fis-snin 60 mill-istrixxikolist Hugo Pratt, se jkun is-suġġett
ta’ taħdita u espożizzjoni fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bejn it-28 ta’ Novembru
u l-24 ta’ Diċembru 2012. It-taħdita se tkun ippreżentata minn Marco Steiner,
ġurnalist li jispeċjalizza f’Hugo Pratt u x-xogħlijiet tiegħu. Mill-informazzjoni
li ksibna, t-taħdita se ssir fit-28 ta’ Novembru fil-kamra tal-mużika fis-6.00
ta’ filgħaxija bħala inawgurazzjoni għall-wirja bl-isem ta’ “Corto Maltese, the
spirit of a journey”.
Corto Maltese,
baħħar, vjaġġatur u fittiex tat-teżori, huwa bniedem ta’ ftit kliem, vagabond imma
b’qalb tad-deheb li tħenn għall-batut.
Twieled il-Belt Valletta fl-10 ta’ Lulju 1887 minn baħri Brittaniku u żingara
minn Andalusija, saħħara u prostituta magħrufa bħala “it-tfajla ta’ Ġibiltà”.
Il-personaġġ ta’ Corto jissimbolizza x-xettiċiżmu tal-awtur Hugo Pratt, f’dawk li
huma asserazzjonijiet nazzjonali, ideoloġiċi u reliġjużi. L-istejjer li jgħaddi
minnhom il-karattru ta’ Corto Maltese mimlijin fantasija iżda għandhom sfond
storiku u b’doża poetika inġenerali.
Din l-attività
hija inizjattiva ta’ l-organizzaturi tal-Comic Con u l-Ambaxxata Franċiża f’Malta,
b’tentattiv biex ikun introdott dan il-personaġġ f'Malta iżda li għandu kult għalih b’eluf
ta’ segwaċi fil-kontinent Ewropew. F’Malta
huma l-ftit li jafu bih u dan forsi minħabba li r-rumanzi grafiċi li kiteb Hugo
Pratt mhumiex faċilment disponibbli fil-lingwa Ingliża. Fit-tmenijiet kienu
saru numru ta’ traduzzjonijiet iżda jingħad li l-livell tagħhom ma kienx wieħed adegwat. Din is-sena id-dar tal-pubblikazzjoni fl-Amerika, Universe,
ippublikat mill-ġdid “The Ballad of the Salt Sea” bħala ri-introduzzjoni tal-personaġġ
Corto Maltese fin-dinja anglofona. Jidher li din il-pubblikazzjoni ma ntlaqgħetx
tajjeb mal-ammiraturi ta’ Corto Maltese minħabba l-format mibdul minn dak
oriġinali ta’ Pratt.
Fil-Lejl Imdawwal
tal-2009 kienet ittellgħet rappreżentazzjoni dwar il-karattru ta’ Corto Maltese
bħala introduzzjoni tiegħu mal-pubbliku Malti. Matul l-istess żmien li saret
din ir-rappreżentazzjoni, xi ħadd sprejja x-xbieha tal-Corto mal-kantuniera ta’
Triq Melita ma’ Triq id-Dejqa, bħallikieku biex iħalli marka, imqar jekk temporanja,
li tfakkar ir-rabta, avolja żgħira, ta’ dan il-personaġġ mal-gżira ta’ Malta.
B’kollox hemm madwar erbatax-il pubblikazzjoni fil-forma strixxikolata li
oriġinarjament inkitbu bil-Franċiż jew Taljan u li aktar tard inqalbu għal
bosta ilsna oħra madwar id-dinja.
Xbieha ta' Corto sprejjata fi Triq Melita, l-Belt Valletta. |
Silta mill-film animat "Ballad of the Salt Sea"
Statwa ta' Corto Maltese fil-belt tal-komiks, Angoulême, Franza. |
The Ballad of the Salt Sea - il-volum li ħareġ din is-sena. |
No comments:
Post a Comment