Monday, August 3, 2009

ID-DOMAIN TeLaq !!

Għalikom li qed tippruvaw tidħlu fuq is-sit elettroniku tal-Komiks tas-Sikkina, niskużaw ruħna magħkom għax jidher li hemm xi falliment serju fid-domain tl (ħaġa li m'għandniex kontroll fuqu). Sakemm jiġi kollox għan-normal (jekk jiġi kollox għan-normal!!) se nitfgħu t-tagħrif tal-paġna tad-Daħla fuq dan il-blogg. Jekk il-problema tippersisti se ninfurmawkom iktar 'il quddiem biex ngħidulkom fuq liema sit se nqiegħdu t-tagħrif illi kellna fuq http://komikstassikkina.page.tl/

Daħla

TAL-KOMIKS TAS-SIKKINA JIFTEHMU MAL-BRIKKUNI. Il-BRIKKUNI huma grupp ta' artisti mqarbin li tgħidx kemm huma bravi. F'idejhom, l-istrumenti jitkellmu, mhux idoqqu. Il-kliem tal-kanzunetti hu naqra buffu imma jagħmel ħafna sens. Fil-31 ta' Lulju taw kunċert fil-Buskett Roadhouse, ir-Rabat. Aħna konna hemm bit-tieni strixxiklu tal-KRANIUM għal-bejgħ flimkien mat-tliet komiks l-oħra wkoll.

It-tieni strixxiklu tal-Gawgaw u l-Imlejka issa ilu ftit li ħareġ. Il-Komiks tas-Sikkina qegħdin għall-bejgħ f'dawn il-ħwienet: L-Agenda tal-Universita Tal-Qroqq, u l-Agenda ta' Triq ir-Repubblika, l-Belt; Il-Malta Comics and Collectibles, 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema; Palmyra, ta' Triq in-Naxxar, Birkirkara; Velmor Stationary, Pjazza Antoine De Paule, Raħal Gdid; Aw Tribu! ta' Triq Ħaz-Zabbar, il-Fgura; u St. Anne's Emporium, Triq Sant'Anna, l-Furjana. Il-Klabb Kotba Maltin tal-Belt għandhom ukoll għall-bejgħ l-ewwel strixxiklu tal-Gawgaw. U issa l-Komiks tas-sikkina qegħdin ukoll fuq Ebay.com!


Għalissa, il-Komiks tas-Sikkina huma magħmula minn żewġ sensiliet: Is-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka, li se jkollha mill-anqas ħames strixxikli, (jekk mhux iżjed); u sensiela oħra bl-isem ta': l-Għid tal-Erwieħ, li tirrakkonta l-istorja tal-grupp mużikali KRANIUM.Iż-żewġ sensiliet huma indipendenti minn xulxin, u huma mpenġija minn artisti differenti. Il-karattri ta' ġo fihom għandhom ismijiet li jinstabu fil-vokabularju tal-ilsien Malti: Il-Gawgaw, il-Ħajbu, il-Ħares, il-Mingħul, it-Tork tat-Taraġ, il-Ħanżira tal-Erwieħ, Ninu Xkora, eċċ. IMMA nixtiequ nserrħulkom raskom li dawn l-istrixxikli m'humiex xi antikalja ta' Wenzu u Rożi, jew xi "folklor", jew xi tagħlim tal-istorja ta' Malta jew ta' ħrejjef missirijietna. HEMM xi elementi tal-ħrejjef, imma dawn l-istrixxikli huma maħsuba għall-kbar (tal-anqas dawk 'il fuq minn sittax-il sena), huma friski u moderni, u anke xi ftit imqarbin. Aqrahom biex tara.


Mela ħa nerġgħu ngħidulkom: Dawn il-komiks jistgħu jinxtraw mill-Agenda tal-Universita', Tal-Qroqq u l-Agenda ta' Triq ir-Repubblika, l-Belt; mill-ħanut tal-Malta Comics and Collectibles, Nru 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema (kantuniera ma' Triq Manwel Dimech), minn għand Palmyra ta' Triq in-Naxxar, Birkirkara, Velmor Stationary tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid, minn għand St. Anne's Emporium ta' Triq Sant'Anna, l-Furjana u mingħand Aw Tribu! ta' Triq Ħaż-Żabbar il-Fgura. Nieħdu gost ħafna nisimgħu minn għandkom. Ikkuntattjawna.

No comments: