Kif jistgħu jidhru l-qoxriet tal-istrixxikli fil-futur.
Id-dinja trid teħodha biċ-ċajt. Imma hawn nies jeħduha bis-serjetà żżejjed. Għad hawn nies li jaħsbu li l-ktieb "Sqaq l-Infern" ta' Bartolo u Vella, fih xi kodiċi sigrieti biex jinġibdu t-tfal lejn il-qawwa tax-xitan. Oħrajn ħarġu jiktbu fil-gazzetti biex il-ktieb ta' Trevor Zahra "Il-Ħajja sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa" jitneħħa mill-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba u l-libreriji ħalli ma jintlaħaqx mill-minorenni. Bil-kemm m'humiex jissuġġerixxu li għandhom jinġabru l-kopji kollha u jagħtuhom sulfarina f'Misraħ il-Ħelsien. Imma għal dawn it-talin, id-dinja hija serjissima tassew. Għaldaqstant tarahom isegwulek il-passi bizarri ta' Angelik Caruana jew jintefgħu jitpaxxew bil-vjolenza u d-dmija tal-Passion of the Christ. Ħdejn ix-xeni li naraw f'dawn it-tnejn tal-aħħar, il-kotba li semmejt qabel, qishom tal-Mickey Mouse. X'hemm isbaħ mill-Mickey Mouse biex tidħak u titbissem?
Ma nafux sewwa għaliex, imma diġa bdiet tixgħel l-bozza l-ħamra għall-Komiks tas-Sikkina. Diġa kien hemm ħanut li rrifjuta li jbigħhom u minn ħanut ieħor tneħħew il-kopji kollha wara li rċevew xi lmenti. B'daqshekk x'fiha? Affarijiet normali dawn. M'aħniex se nqattgħu xagħarna fuq dil-biċċa tafux. M'hemmx min ma jbigħx gazzetta għax tkun ta' kulur jew ieħor? M'hemmx min ma jbigħx kondojiet għax tniggżu l-kuxjenza? Imbilli jirrifjutaw il-Komiks tas-Sikkina...x'fiha b'daqshekk? Xejn affattu!
Aħna sa mill-bidu nett għedna li dawn l-istrixxikli mhumiex għal kulħadd. Mill-ewwel irrealizzajna li l-kontenut tagħhom hu potenzjalment ta' periklu għal sezzjoni mdaqqsa taċ-ċittadini Maltin. Fil-fatt qabel nidejna l-istrixxikli fil-pubbliku, stħarriġna xi ftit ir-riskji u għamilna t-testijiet meħtieġa. Mill-ewwel strixxikli tal-Gawgaw u tal-Kranium, aħna slitna estratt rappreżentattiv tal-istejjer u tal-immaġni mill-materjal u esponejnieh quddiem xi volontiera fl-esperiment. Numru mill-volontieri rrappurtaw xokk kulturali, dardir emozzjonali u taħwid ċelebrali. Saħansitra rreġistraw kriżi morali fl-imġieba tagħhom. Fil-fatt għoxrin fil-mija tal-volontieri nnotaw dawn l-effetti ħżiena fuqhom u esperjenzaw sintomi oħrajn bħal "jaqbżulhom għajnejhom 'il barra", " jagħmlu taħthom bil-biża'", u "jilluċinaw xeni ta' biki u tgħażżiż tas-snien". Il-konklużjoni tat-testijiet fuq dawn l-20% kienet li l-materjal espost għalihom kien tossiku, xokkanti u demoralizzanti. Sebgħin fil-mija tal-volontieri ma ħassewx dawn l-effetti negattivi għax instab li diġa kienu esposti għal materjal tossiku ieħor miċ-ċinema Hollywoodjana u d-dvds u t-telenovelli fuq ix-xandir lokali u tas-satellita. Fil-fatt minn dawn l-eżemplari kien hemm indikazzjoni ċara ta' apatija qawwija u indifferenza lejn il-materjal tal-Gawgaw u l-Kranium. Min-naħa l-oħra, għaxra fil-mija tal-individwi li applikaw għal dan l-isħarriġ irreġistraw sensazzjonijiet pożittivi u affermaw li ħassewhom aħjar wara li raw u qraw il-materjal mill-istrixxikli.
Wara dawn it-testijiet skont il-kriterji u r-regoli tas-saħħa kif rikjesti mill-Unjoni Ewropea, aħna kellna nwaħħlu t-twissija ta' 16+ imma jista' jkun li nkunu mġiegħla mill-istess Unjoni biex inwaħħlu twissjiet oħrajn wara l-ilmenti li saru biex ikun protett iċ-ċittadin Malti u dak Ewropew...
Mhux aħjar neħduha bin-nejk!
2 comments:
Ħa ħa :)
Aw Dward. Int kollox sew? Mela lilek ma laqtitekx sajjetta? :D
Post a Comment