Sunday, September 25, 2011

Ħabib fis-suq tal-Lejl Imdawwal





Liam kien qed ipejjep sigarett fuq il-bejt. Kien qed jipprova jfittex lehma għax ried jikteb fuq il-blogg tiegħu l-aħħar silta minn sensiela ta' stejjer straordinarji. Ix-xemx kienet ilha xi sagħtejn li niżlet u ntfiet fil-baħar tal-punent. Kien waħdu. Is-Sibt filgħaxija sulu sulu. Sa ftit ilu kellu lil Nadine tispirah bi fweħitha, bil-benna ta' xoftejha u ... sa... ftit ilu... Imma issa telqet. Ħallietu. Nifs ieħor mis-sigarett. Is-sema dlam u taħtu twieqi bid-dwal baxxi mixgħula wara purtieri mġerrija. Ftit lil hinn, id-djar u l-palazzi tal-Belt, issa nxtgħelu u bozoz u fanali qawwija rmew baħar ta' dawl li bajjad saħansitra s-sħab li kien għaddej fil-baxx.


Dak x'inhu dak id-dawl? Staqsa bejnu u bejn ruħu.


Illum il-Lejl Imdawwal - wieġeb leħen li ma jafx jekk semgħux tassew jew jekk tlissenx ġewwa rasu.


Niżel isfel u ħareġ mid-dar u telaq jimxi fit-toroq u l-imsieraħ. Kien hemm in-nies. Kulħadd miexi 'l hemm u 'l hawn. Xi uħud libsin pulit, ħiemda għaddejjin dritti jħarsu lejn xi fuljett f'idejhom bħal donnhom qed jagħmlu t-talb tas-seba' visti. Oħrajn ipaċpċu fuq l-imwejjed tal-kafejiet. Kien jidher ċar li kien hemm xi avveniment mhux tas-soltu fit-toroq tal-Belt.


Fejn se naqbad immur? - staqsa lilu nnifsu Liam - Forsi nsib xi lehma.


Ħallini nkunlek ta' raħħab u ndawwrek jien - qallu raġel fih mogħl' hawn, wiċċu bajdani, bla xagħar u bi tbissima li tiġbdek.



Int Liam hux veru? - reġa' staqsa r-raġel liebes libsa intiera bajda silġ bil-qmis sewda u ingravata bajda ukoll.


Iva hekk hu - wieġbu Liam. - U int...?


Jien jisimni Jurik... il-Qamar - wieġbu r-raġel bi tbissima waħda.


Il-leħen ta' dan ir-raġel issa beda jxebbhu ma' dak li sema' ftit ilu jew stħajjel li semgħu jidwi f'rasu. U issa kkonferma dan ix-xebh x'ħin dan Jurik "il-Qamar" tenna : Illum il-Lejl Imdawwal u se ndawwrek jien mat-toroq tal-Belt. Għidli x'tixtieq tara.


U Liam qallu: Irrid nisma' ilħna mielsa li jwensuni. Irrid inxomm fwejjaħ li jiftħu l-moħħ. Irrid induq il-ħlewwa tal-mużika ħelliesa... Irrid insib lehma li tnebbahni... li ddawwalni minn ġewwa.


U Jurik "il-Qamar" ħadu f'teatri u fil-pjazez fejn tbaħbaħ fil-għoġba tal-miġemgħa. Ħadu jisma' daqq li jpaxxi l-widnejn u wrieh xbihat li jbirru l-għajnejn. Sqieh xorb li jnessi u li jfakkar. U temgħu ikel li jaħjih.


Imma Liam baqa' ma sabx il-lehma. U minħabba f'dan sewwed qalbu.


Jurik "il-Qamar" ħabat se jaqta' qalbu minn Liam imma mbagħad ftakar f'post wieħed li ma wriehx u qallu: Naf ħabib fis-suq li jista' jgħinek.


U ġibdu għas-suq tal-Belt, lejn mejda żgħira. Kien hemm raġel b'leħja pulita li kien qed ibigħ kotba rqaq bl-istampi. U bejn il-kotba u l-folji tal-istampi feġġet bħal tieqa li minnha bdiet ġejja żiffa ċċafċaf ħelu ħelu ma' wiċċ Liam u ttajjarlu l-beżbużiet ta' xagħru. U sema' leħen sbejjaħ isejjaħlu u ttawwal għal ġot-tieqa u ra dinja oħra. Ra tfajla samranija b'xuxitha ttir mar-riħ, riesqa lejh, tistiednu, tkellmu kliem li jmiss il-qalb. It-tieqa saret bieb u daħal ġewwa u mar mat-tfajla samranija u daq fommha, issaħħan ma' laħamha tari u twaħħad magħha u ħsiebu xegħel.


Jien Liam - stqarrilha.




No comments: