Thursday, April 9, 2009

It-tnedija tal-ewwel strixxiklu



Nista’ ngħidilkom li aħna tal-Komiks tas-Sikkina, ninsabu ħerqanin mhux ħażin biex naraw dan ix-xogħol tal-Gawgaw ħiereġ fil-pubbliku għall-ewwel darba. It-tqala kienet twila u ma nistgħux ma nifirħux li sa fl-aħħar l-omm waslet biex tiled.

Għadni niftakar fl-ewwel jiem ta’ xi tliet snin ilu meta l-proġett kien għadu fetu. L-iskizzi ta’ wiċċ il-Gawgaw u l-qagħdiet tiegħu u ta’ diversi karattri oħrajn, kienu suġġetti għad-diskussjoni twila u provi kontinwi sabiex jinstab id-disinn finali. Il-waiters tal-kafeterija fejn niltaqgħu kull ħmistax, drawna sew inqallbu l-karti tat-tpenġija f’idejna u nferrgħu kikkra te wara oħra. Matul dan iż-żmien kollu, l-Gawgaw u xrieku, saru parti minn ħajjitna u 'l quddiem nittamaw li jsiru parti minn tagħkom ukoll.

Qegħdin fl-aħħar ftit jiem ta’ qabel it-tnedija. Is-sensiela IL-GAWGAW U L-IMLEJKA, toħroġ għall-bejgħ bl-ewwel strixxiklu f’pubblikazzjoni modesta ħafna imma attrajenti, pprintjata bl-iswed u abjad, qies A5 u b’44 paġna. Is-sensiela fiha ħames strixxikli li se joħorġu bejn wieħed u ieħor, kull xahrejn. Qed nittamaw li s-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka tilħaq ċerti qarrejja reflessivi u selettivi.

It-tnedija se ssir nhar il-Ħamis 30 ta’ April 2009 fit-8.00 ta’ filgħaxija, fis-sala tal-Malta Contemporary Art (MCA) il-Marsa. Ħajr mill-qalb lil Mark Mangion li pprovdielna l-post u t-tagħmir għall-okkażjoni.

Hemmhekk IL-GAWGAW U L-IMLEJKA (l-ewwel strixxiklu) se jkun għall-bejgħ bil-prezz ta’ żewġ ewro.
Issibu tixtruh mill-ħanut tal-Agenda fl-Università Tal-Qroqq, mingħand l-Agenda tal-Belt, mill-ħanut St. Anne's Emporium ta' Triq Sant'Anna, l-Furjana, mingħand Palmyra ta' Birkirkara jew mill-Malta Comics & Collectibles, 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema.



No comments: