Bħal-lum għaxar
snin ukoll ħareġ l-ewwel strixxiklu tal-Kranium taħt is-sensiela tal-Għid tal-Erwieħ
ippubblikat mill-Komiks ta’ Sikkina. Araw it-tielet l-istrixxiklu kollu fuq il-paġna ta' Facebook. Miktub mill-Barba Kieli u mpenġi
mill-Ħaddied l-1el u t-2ni u minn Dell (Robert Zammit) it-3et, ir-rakkonti tal-Kranium jesponi l-grajjiet ta’ tliet ġuvintur li
jiffurmaw grupp tar-Rock propju b’dan l-isem. Min huma sewwasew l-Kranium? U x’hemm
fl-istejjer tagħhom?
Il-Kranium hu
kompost mill-Ħanż li jdoqq il-bass u jkanta, il-Kraws il-kitarrista u l-Ħassu
d-drummer. Huma ma jaħdmux u lanqas ma’ għandhom benefiċċju tal-qgħad għax
inqatagħlhom għax ma jirrispondux għas-sejhiet tal-uffiċċju tal-Impjiegi. It-tlieta
li huma mgħandomx saqaf fuq rashom għajr tal-vann li akkwistaw, u jqattgħu
jiemhom jiġru barra b’ta' fuqhom senduqhom. Nistgħu nobsru li l-Ħanż u l-Kraws ġejjin
minn familji mkissrin u żmienhom għamluh jiġġerrew barra, jġaħġħuha minn hawn
u minn hemm. Il-Ħassu madankollu seta' kellu trobbija differenti. Jidher li
trabba ma’ djul ommu u mbagħad taħt il-mant ta’ saħħar li għenu jakkwista
l-għarfien dwar is-sħurija.
Il-Ħanż u l-Kraws
kienu ilhom ħbieb mill-iskola u mal-Ħassu ltaqgħu għand Lippu li kellu ħanut
tal-inbid il-Belt. Kienu jiltaqgħu f’dar abbandunata fil-Belt biex idoqqu flimkien.
L-esiġenza biex ikollhom xi ħaġa x’jieklu
ġieli ġegħilithom biex jagħmlu xi faċenda lil xi sid ta’ ħanut jew ieħor biex
ikollhom lira fil-but.
Il-membri
tal-grupp rock Kranium jippruvaw jimmanuvraw ix-xenqiet u l-ħtiġiet mundani
tagħhom f’dinja moderna iżda dekadenti fejn kollox jidher baxx, patetiku, korrot u oskur. F’din
id-dinja nsibu d-dragiet u x-xjaten jiddominaw u jimmanipulaw il-ħajja ta’ dan
il-grupp ta’ tliet ġuvintur u ta’ dak kollu li jiġri madwarhom. Qajla naraw
fid-dinja tal-Kranium, xi eroj li jsalva is-sitwazzjoni biex tinqaleb il-folja
għall-aħjar. Madankollu nsibu wkoll mumenti fejn l-att erojku tal-Ħares, per
eżempju, ikun sewwa l-affari temporanjament iżda bl-eventwalità li għada
pitgħada s-sitwazzjoni terġa’ għal li kienet qabel. Il-Ħassu tipikament huwa
anti eroj fejn il-ħajja tiegħu mill-ħażin dejjem sejra għall-agħar. Sħabu xi
ftit insensittivi għal li qed jgħaddi minnu l-Ħassu u dan għaliex is-sitwazzjoni għalih
u għall-istess sħabu dejjem hija ta’ sopravivenza f’ġungla selvaġġa ta’ akkwist
ta’ xi materja jew oħra, monopolju, territorju u poter.
Il-membri
tal-Kranium minn banda jistgħu jidhru bħala nies ammirabbli li qed jgħixu
ħajjithom kif iridu bi stil faqgħa u kajman, irreverenti lejn is-sagru u
l-awtorità u jagixxu bħal li kieku ħadd ma jikkontrollahom. Iżda min-naħa
l-oħra f’għajnejn is-soċjetà moderna ta’ żmienna, jidhru bħala rmixk, telliefa,
nies bla ras u mingħajr kont ta’ ħajjithom. Mhumiex stupti jew balali imma ma jħarsux
wisq fit-tul. Moħħhom jużawh biex jiksbu dak li jridu fl-immedjat. Il-ħażen ta’
moħħ il-Ħanż per eżempju jispikka f’waqtiet partikolari biex jaħrab mill-forka
per eżempju jew biex ipattiha lil
Patrick tal-Fanfaruna. Il-bqija hu u sħabu jinġarru mill-kurrent tal-ġrajja li
jħabbtu wiċċhom magħha. Altru milli ma jikkontrollahom ħadd. Dak li jippjanaw
(meta jippjanaw) jiżgarra sikwit u bil-kbir, bosta drabi minn post imorru f’ieħor
biż-żball jew għax imġiegħlin.
Kollettivament
il-membri tal-Kranium riedu l-fama u l-flus u għalhekk għamlu patt mas-Serp ta’ Seba’ Rjus biex isiru popolari bil-mużika li jdoqqu iżda l-prezz
li jridu jħallsu huwa qares. Ingħataw l-vann u l-istrumenti msaħħrin sabiex
jiksbu dak li xtaqu u biex ipattu għal dan il-gwadann, wegħdu li se jaqbdu
l-Ħanżira tal-Erwieħ u jagħtuha lis-Serp. Għalkemm din tal-aħħar tidher ħaġa
ħafifa, ma rrealizzawx il-kumplessità tagħha u mhux talli ma’ qabdux il-ħanżira
talli spiċċaw ippersegwitati mill-istess Serp u għalhekk anki l-potenzjal tal-fama tagħhom beda jiżvinta peress li tilfu diversi opportunitajiet li
jdoqqu. Issa anki d-drummer tilfu għax il-Ħassu ‘miet’, inbidel u telaqhom. U lanqas
biss jafu x’laqathom!
Minkejja d-dalma
li waqgħet fuqhom, minkejja l-ħajja vagabonda u miskina tagħhom, ma tismax qrid
mingħandhom. In-nugrufun ta’ dak kollu li qed jinħaraq taħthom, fuqhom u
madwarhom, il-Ħanż u l-Kraws u anki l-Ħassu ifarfruh minn fuqhom billi jfaqqgħu
iċ-ċajt, idoqqu u jkantaw u jpejpu sigarett. Id-dinja tal-Kranium qed taqbad.
Is-Serp u Ċensa l-Mewt jiġru warajhom, in-Nòsi u l-Ingliż joqtluhom jekk jiġu
taħt idejhom, id-dragiet, l-għuliet u l-mniegħel iġorruhom u jgħaddsuhom sa għonqhom
fil-ħama, l-inkwiet u fil-perikli... u l-Kranium... ta’ moħħ ir-riħ li huma,
jieħdu kollox bin-nejk.