Monday, December 9, 2013

Stejjer Impenġija Nru 1




Dan huwa l-video tal-komik Stejjer Impenġija li għadu kif inħareġ b'kolaborazzjoni bejn il-Komiks tas-Sikkina u żewġ artisti oħra, Davida Flores u Audrienne Degiorgio. L-idea tal-pubblikazzjoni hija dik li ddaħħal iktar l-element letterarju fil-komiks. Dan il-proġett beda jkun diskuss fil-bidu ta' din is-sena u taħt it-tikketta ġdida mwaqqfa mill-istess kolaboraturi bl-isem ta' Stejjer Impenġija, ippubblikat l-ewwel komik mis-sensiela. Iż-żewġ stejjer li nsibu f'din il-pubblikazzjoni huma Lejl Imdawwal u Ħolma. Tal-ewwel miktuba mill-Barba Kieli u impenġija minn Davida Flores filwaqt li tat-tieni għandha l-kitba ta' Bin Għisa u t-tpenġija ta' Audrienne Degiorgio. Bin Għisa ħadem ukoll it-tifsiliet grafiċi taż-żewġ stejjer waqt li d-disinn inġenerali tal-komik tħalla f'idejn Audrienne. Davida ddisinjat il-qoxra.

Min hu interessat li jakkwista kopja ta' dan il-komik ġdid għandu jikteb lil komikstassikkina@gmail.com

Sunday, December 1, 2013



Kafè iswed, tè bla ħalib, hot chocolate u kapuċċino hija l-ordni tipika ta’ żewġ awturi u żewġ artisti tal-komiks li fuq mejda f’misraħ ewlieni fil-Belt,  jitħaddtu u jfasslu sensiela ġdida għall-komiks. Din l-ordni tipika tagħhom għandha karatteristiċi u gosti individwali iżda sħiħa x'ħin imqiegħda flimkien fuq mejda waħda. Dawn huma l-Istejjer Impenġija nru. 1 li għadu kif ħareġ għall-bejgħ fil-Comic Con illum.

Hija ħaġa inkoraġġanti li illum qed naraw numru ta’ artisti jingħaqdu biex jipproduċu xi forma jew oħra ta’ komik. Tħajjarna biex nagħmlu xi ħaġa simili. L-iskop kien li nagħmlu komik imma nibtet din l-idea li l-istejjer ikunu jillustraw rakkonti qosra,  xi ftit jew wisq mundani imma b’togħma letterarja. Fi ħsiebna kellna li dan il-komik jappella għall-qarrejja interessati f’suġġetti oħra  u mhux bilfors fl-eroj tipiku assoċjat ma’ dan il-mezz popolari.
Veru li normalment il-komik ma tarahx f’idejn min iħobb jaqra novelli u rumanzi imma dan hu ftuħ ġdid biex jiġbed qarrejja ġodda tal-komiks. M’aħna nagħmlu xejn ġdid li qabel qatt ma sar. Imma x’inhu ġdid taħt il-kappa tax-xemx?

Fix-xena tal-komiks hawn Malta nħossu li dan it-tip ta’ qari hawn loku u li għandu potenzjal li jiftaħ iżjed possibbiltajiet għas-suq ċkejken tagħna. 

Fuq kollox Stejjer Impenġija joffri sensiela ta’ rakkonti divertenti għall-adulti li ukoll inisslu tbissima jew inqanqlu ħsieb. Magħmulin biex jinqraw malajr kullimkien, fuq tal-linja, fil-brejk tax-xogħol jew f’xi kafeterija int u tixrob it-tè, il-hot chocolate jew il-kapuċċino. Imbagħad tkun tista’ dduq dawn l-istejjer u titpaxxa bil-kikkra artistika u bl-aroma letterarja li qed joffrulek.

Nittamaw li jogħġbuk.


Stejjer Impenġija jinsab għall-bejgħ minn fuq il-mejda tal-Komiks tas-Sikkina, ta' Pilot u ta' Davida Flores, waqt il-Malta Comic Con 30 ta' Nov u l-1el t' Diċ 2013, fil-Kavallier ta' San Ġakbu l-Belt, bejn l-10.00 ta' filgħodu u s-6.00 ta' filgħaxija.